1,195 annimal miġbura mill-Animal Welfare

    Bejn Jannar u Lulju ta’ din is-sena l-Animal Welfare ġabret 1,195 annimal mit-toroq li 935 minnhom kienu qtates, 212-il kelb u 48 annimal ieħor. Minn dawn ġew adottati 242 annimal fosthom 159 kelb u 83 qattus. 

    Dan wara li għand l-Animal Welfare daħlu mhux inqas minn 3539-il telefonata għal assistenza dwar annimali abbandunati fit-toroq Maltin. L-aktar xahar li daħlu telefonati kien dak ta’ Ġunju bl-Animal Welfare tirċievi ftit aktar minn 700 telefonata u l-inqas xahar kien dak ta’ Jannar bi 362 telefonata. 

    Madankollu l-aktar xahar li nġabru annimali kien dak ta’ Mejju fejn inġabru qrib it-300 annimal mit-toroq. Permezz ta’ dan is-servizz tant importanti għal ħarsien tal-annimali abbandunati, bl-għajnuna tal-Animal Welfare, bosta annimali ġew miġbura f’ħin f’waqtu biex b’ hekk ġie evitat li jispiċċaw milquta mill-karozzi.