Il-FIFA tissospendi lil Pakistan

    Il-FIFA issospendiet lil Pakistan b'effett immedjat u sakemm titneħħa din is-sospensjoni t-team nazzjonali u clubs tal-istess assoċjazzjoni ma jistgħux jieħdu sehem f'kompetizzjonjiet internazzjonali.

    L-elezzjoni ta' Faisal Saleh Hayat bħal president tal-FA tal-Pakistan, fost allegazzjonijiet li kien hemm tbagħbis fil-voti, waslet biex taffetwa l-isport fil-Pakistan. Biex tissolva din il-kwistjoni, il-qorti ħatret amminstratur biex imexxi lil FA tal-Pakistan, iżda dan huwa kontra l-istatut tal-FIFA minħabba interferenza politika.

    Il-Kunsill tal-FIFA, ħa din id-deċiżjoni minħabba li l-uffiċini u l-kontijiet bankarji baqgħu fil-kontroll tal-amministratur maħtur mill-qorti, li dan hu kontra l-obbligazzjoni tal-FA tal-Pakistan li tikkontrolla dawn indipendentament mingħajr l-influwenza ta' terzi partijiet skond l-istatut tal-FIFA. Din is-sospensjoni titneħħa meta l-uffiċini u l-kontijet jiġu lura f'idejn it-tmexxija tal-FA tal-Pakistan.

    Din hi daqqa ta' ħarta għal football fil-Pakistan minħabba li t-team nazzjonali tal-irġiel ilu ma jilgħab logħba sa mis-sena 2015, u b'hekk jinsabu 200 post fir-ranking mondjali.