Il-Belġjan Tom Saintfeit il-coach il-ġdid ta’ Malta

    Il-Belġjan, Tom Saintfeit, huwa l-coach il-ġdid tat-team nazzjonali wara li ftit tal-jiem ilu ħarġet l-aħbar li t-telfa ta’ 3-0 kontra s-Slovakkja kellha tkun l-aħħar partita għal Pietro Ghedin wara ħames snin u nofs.

    Saintfeit, li huwa isem kompletament ġdid għalina l-Maltin, għandu 44 sena, iżda għandu esperjenza kbira fejn kien ukoll coach nazzjonali ta’ diversi pajjiżi fl-Asja u fl-Afrika.

    Il-president tal-MFA, Norman Darmanin Demajo, esprima s-sodisfazzjon tiegħu li t-team nazzjonali se jkun fdat lil Saintfeit:

    “Il-kwalifiki flimkien mal-esperjenza vasta li jippossjiedi Saintfeit għamlu kandidat denju biex ikun il-coach nazzjonali ta’ Malta.

    “Inħossni sodisfatt ukoll li huwa aċċetta l-offerta tagħna biex ikun f’din ir-responsabbiltá u jiena nemmen li se jagħmel xogħlu b’mod eċċellenti kif ukoll bħala membru prominenti fis-settur tekniku. “

    Saintfeit, ilu jikkowċja minn mindu kellu 24 sena wara li kellu jirtira mill-karriera tal-football minħabba bosta injuries. Min-naħa tiegħu, huwa wkoll kien sodisfatt li ngħata din il-kariga.

    “Ninsab onorat li ngħatajt dan l-inkarigu. L-amibzzjoni tiegħi hija li ngħin lit-team nazzjonali Malti jimxi fid-direzzjoni l-ġusta kif ukoll ngħid fuq pjan fit-tul għall-iżvilupp tal-football Malti f’kull livell,” sostna Saintfeit.

    L-ewwel partita tal-coach Belġjan se tkun il-partita ta’ ħbiberija kontra l-Estonja, li se tintlagħab fl-Istadium Nazzjonali, nhar it-12 ta’ Novmebru li ġej.