Koppja Maltija fl-Ingilterra żżomm tifel li bidlulu qalbu ... għax l-appartamenti ta' Puttinu mimlijin kollha

    Koppja Maltija li tgħix l-Ingilterra offriet li żżomm għandha tifel ta' 11-il sena li qed jirkupra minn operazzjoni tat-trapjant tal-qalb.

    It-tifel, Nigel Spiteri min-Naxxar, kien jinħtieġ li joqgħod f'appartament waħdu minħabba n-natura delikata tal-operazzjoni imma l-appartamenti ta' Puttinu huma kollha mimlijin.

    Dan ma waqqafx lill-istess għaqda milli tfittex għal appartament li fil-fatt sabitu għand il-koppja li laqgħet it-talba biex iżżommu magħha.

    Fl-istess waqt Puttinu qed tappella għall-għajnuna biex ikollha aktar postijiet fejn tkun tista' iżżomm pazjenti li jkunu qed jingħataw kura fl-Ingilterra.

    Spiteri kien ilu ħames xhur jistenna l-operazzjoni li saret fil-Great Ormond ta' Londra u ħadet madwar sitt siegħat.

    Matul dawn l-aħħar xhur huwa seraq il-qlub ta' bosta bil-mod pożittiv li jħares lejn il-ħajja quddiem it-tbatija li għadda minnha minkejja l-eta tenera tiegħu.