DIRETT: Aktar minn 26,000 vot għal Muscat

    23.01 Fuq it-tieni distrett Joseph Muscat kiseb 13,986 vot. Dan ifisser li fuq żewġ distrett Muscat kiseb 26,188 vot.

    22.43 L-għaqda tal-istudenti SDM fi stqarrija awguraw lil Joseph Muscat u l-Partit Laburista għar-rebħa elettorali. L-SDM qalu li huma kuntenta li l-edukazzjoni kienet punt importanti fil-kampanja elettorali u qalu li jisperaw li din tibqa' prijorità fis-snin li ġejjin.

    L-SDM tinsab kuntenta wkoll bl-ammont kbir ta' nies li marru jivvutaw u għal mod li bih tmexxiet l-elezzjoni. L-SDM awguraw lill-kandidati kollha eletti, kif ukoll irringrazzjaw lill-voluntieri kollha u l-kandidati li ma telgħux għall-ħidma tagħhom.

    22.27 Fuq l-ewwel distrett Louis Grech kiseb 5,626 vot.

    22.25 Fi ftit tal-minuti oħra mistennija jkunu eletti mal-ewwel għadd tal-voti għall-Partit Laburista Silvio Schembri minn fuq is-sitt distrett u d-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Louis Grech fuq l-ewwel distrett.

    22.18 Hekk kif bdew jingħadu l-voti tal-Partit Nazzjonalista fuq it-13-il distrett, kien hemm l-ewwel persuna eletta mill-PN, Giovanna Debono kisbet 4,715 vot.

    21.46 Fuq is-seba' distrett kien elett mal-ewwel għadd Ian Borg b'4,176.

    21.20 Iċ-ċerimonja tal-ġurament tal-ħatra ta' Prim Ministru se ssir għada fil-11.00.

    21.16 Marie Louise Coleiro Preca tikseb 6,108 voti fl-ewwel għadd fuq is-sitt distrett.

    21.15 Il-Konfederazzjoni tat-trade unjins Maltin is-CMTU fi stqarrija tat l-awgurju tagħha lil Joseph Muscat u l-Partit Laburista għar-rebħa elettorali. Fl-istqarrija il-President tas-CMTU, William Portelli, qal li s-CMTU u l-affiljati tagħhom jawguraw l-isbaħ xewqat lil Prim Ministru l-ġdid u qal li se jagħtu l-appoġġ kollu tagħhom biex il-gvern ġdid jaħdem għall-istabbilità u għall-ġid nazzjonali.

    20.35: Huma 12,202 il-voti tal-ewwel preferenza li kiseb Muscat fuq ir-raba' distrett.

    20.18: Qegħdin jingħaddu l-ewwel preferenzi ta' Joseph Muscat fuq ir-raba' distrett elettorali. Kif mistenni, Joseph Muscat kiseb ammont enormi tal-ewwel preferenzi.

    19.59: Il-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil iddikjara li l-ġimgħa d-dieħla jirriżenja mill-Parlament Ewropew. Mistoqsi dwar il-kariga ta' viċi-kap qal li bl-istatut din taqa' awtomatikament li għalhekk iridu jinfetħu n-nomini. Intant, mistoqsi dwar il-futur tiegħu saħaq li dan huwa żmien ta' riflessjoni. Ma kkummentax jekk hux se jkun qiegħed jikkontesta t-tmexxija tal-partit. Intant, Anton Refalo kien elett bħala deputat fuq Għawdex b'5,261.

    19.45: Chris Cardona jidher li huwa t-tieni kandidat elett meta kiseb 3,876. Għalkemm ma ħarġitx uffiċjalment jidher li dan in-numru jaqbeż il-kwota.

    19.42: Fis-sala tal-għadd tal-voti, l-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qiegħed idur l-aġenti tal-Partit Nazzjonalista.

    19.31: F'paketti ta' ħamsin qegħdin jinġabru l-voti ta' Chris Cardona. Jidher ċar li l-avukat Cardona għandu jkun l-ewwel deputat elett mit-tmien distrett. Il-voti tiegħu jingħaddu fi ftit minuti.

    18.55: Miltub jikkummenta dwar ir-riżultat elettorali l-eks Ministru Nazzjonalista Austin Gatt qal li mhux se jagħti kummenti għax illum irtirat. Għannaq lil ibnu u qal li lilu biss jagħti kummenti.

    18.45: It-tabib Franco Mercieca huwa l-ewwel kandidat elett b'3,969. Mercieca kien elett fuq it-tlettax-il distrett. Mercieca qal li issa "għandu responsabbiltà kbira" u żied li ma kienx qiegħed jistenna dan l-appoġġ. Dan ir-riżultat ifisser li d-deputat Justyne Caruana tista' titlef il-post tagħha fil-parlament. Dan sakemm il-Partit Laburista ma jirbaħx siġġu ieħor fuq Għawdex. Caruana kisbet 2,757 vot mal-ewwel għadd.

    18.06: Fuq il-Fosos tal-Floriana Joseph Muscat emfasizza messaġġ ta' għaqda. Dan quddiem eluf kbar ta' partitarji laburisti. Sostna li llum ma niżlitx bandiera blu biex titla' waħda ħamra iżda telgħet il-bandiera tal-Maltin u l-Għawdxin kollha. Intant, ħabbar li l-Partit Laburista se jiċċelebra r-rebħa b'mass meeting nhar is-Sibt li ġej fuq il-Fosos tal-Floriana.

    17.55: Il-Partit Soċjalista Ewropea laqa' b'ferħ l-aħbar li l-Partit Laburista rebaħ din l-elezzjoni u qal li Malta ngħaqdet mal-bidla li għaddejja fl-Ewropa.

    Intant, ta' min jinnota li l-Alternattiva Demokratika kisbet wieħed mill-aħjar riżultati.

    17.53: Il-Prim Ministru elett Joseph Muscat wasal issa fuq il-fosos tal-Floriana biex ikellem lill-eluf ta' persuni li nġabru. Tistgħu ssegwu dan b'mod dirett fil-homepage ta' inewsmalta.com.

    17.52: Jidher li l-Parlament se jkun kompost minn 38 deputat għall-Partit Laburista u 29 għall-Partit Nazzjonalista. Dan se jkun parlament b'ħafna uċuh ġodda.

    16.46 Hekk kif il-Prim Ministru elett Joseph Muscat indirizza l-folla li nġabret quddiem iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, Muscat qal li llum ix-xemx ma sebħitx għal nofs Malta imma għal Malta kollha għax Malta hi tagħna lkoll. "Inħossni mċekken quddiem din ir-responsabbiltà u nwiegħed li se naħdem b'saħħti kollha biex ħadd ma jħossu barrani f'pajjiżu. Dak li kkampanjana għalih aħna verament nemmnuh. Dan se jkun gvern spalla ma' spalla man-nies," qal Muscat. "Tista' ma taqbilx magħna imma tista' taħdem magħna," temm jgħid Muscat.

    16.02: Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Josè Manuel Barroso awgura lill-Prim Ministru l-ġdid ta' Malta. Qal li Muscat jista' jorbot fuq l-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea.

    15.14: Issa żar ukoll is-sala tal-għadd tal-voti l-Prim Ministru Lawrence Gonzi li qiegħed idur lill-voluntiera u l-aġenti tal-Partit Nazzjonalista.

    14.55 Intant mijiet kbar ta' nies qegħdin jinġabru fuq il-Fosos tal-Furjana fejn aktar tard illum mistenni jindirizza mass meeting il-Mexxej Laburista u Prim Ministru elett Joseph Muscat.

    14.30 Fl-ewwel kumment li ta' Muscat mis-sala tal-għadd tal-voti qal li hu f'dawn l-aħħar ħames snin ħadem tajjeb ma' Lawrence Gonzi u rringrazzjah għall-ħidma tiegħu. Muscat qal li issa wieħed irid jara meta se jinħatar il-Parlament ta' din il-leġislatura. Huwa qal li l-Parlament ma jistax idum ħafna biex jibda jaħdem hekk kif sal-aħħar ta' April jrid ikun hemm baġit approvat.

    14.12 Fis-sala tal-għadd tal-voti għadu kemm wasal il-Prim Ministru elett Joseph Muscat. Muscat ġie milqugħ b'ċapċip filwaqt li ma naqsitx l-għajta "Tagħna Lkoll."

    13.52 Bħalissa fiċ-ċentru tal-għadd tal-voti fin-Naxxar hawn stennija għall-Prim Ministru elett Joseph Muscat, hekk kif mistenni jasal fil-minuti li ġejjin. Intant il-garżelli bdew jagħtu l-ewwel indikazzjonijiet, fejn jidher li jista' jkollna Parlament b'numru ta' uċuh ġodda. Fil-fatt hemm numru ta' kandidati li kkontestaw l-elezzjoni għall-ewwel darba li jidher li għandhom numru ta' voti mhux ħażin fil-garżelli tagħhom.

    13.33 Il-Kap tal-partit Nazzjonalista jgħid li se jwarrab.

    13.03 Intant folol kbar ta' nies qegħdin jinġabru quddiem iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun.

    12.28 Id-Dipartiment tal-Informazzjoni tellgħu l-bijografija tal-Prim Ministru elett Joseph Muscat fuq is-sit ta' facebook tagħhom.

    12.41 Hekk kif jixhed dan ir-ritratt anke l-eks deputat Nazzjonalista Franco Debono feraħ b'din ir-rebħa kbira Laburista hekk kif jidher jiċċelebra fuq l-ispallejn tal-partitarji Laburisti.

    12:38 Il-Partit Laburista mistenni kiseb ir-raba' siġġu fuq ir-raba' distrett, id-distrett ta' Raħal Ġdid.

    12.19 Il-Partit Laburista rebaħ it-tnax-il distrett u l-ħames distrett u aktarx anke t-tlettax-il distrett, id-distrett ta' Għawdex.

    12.14 Bil-għan li jkollu l-partitarji miġbura f'post wieħed jidher li l-Partit Laburista se jorganizza attività tal-massa fuq il-Fosos fis-sigħat li ġejjin. Nistennew li Joseph Muscat iżur is-sala tal-għadd tal-voti fil-ħin li ġej.

    12.11 Skont dak li qed ikun irrapurtat mill-midja Nazzjonalista, il-Partit Laburista kiseb maġġoranza ta' disa' siġġijiet, filwaqt li qegħdin jgħidu li d-distakk bejn iż-żewġ partiti huwa ta' 36,000 vot.

    11.58 "The Maltese people have decided that we are to serve from the Opposition. I accept this decision. This is the democracy we firmly believe in. And in democracy, it's always the people who win." - L. Gonzi. Dan huwa messaġġ li ħafna persuni qegħdin jirċievi f'dan il-ħin mill-Partit Nazzjonalista. Intant Lawrence Gonzi se jindirizza konferenza tal-aħbarijiet fis-13.00. Din il-konferenza tal-aħbarijiet se tixxandar ukoll live fuq inewsmalta.com.

    11.47: Fl-ewwel kummenti tiegħu wara r-riżultat il-Mexxej Laburista Joseph Muscat qal li l-Partit Laburista ikkampnanja bħala moviment u se jmexxi bħala moviment. "Jidher ċar li l-poplu ta' mandat lill Partit Laburista u lill- Moviment biex mexxi lil pajjiżna. Lawrence Gonzi ċempilli u wera li l-PN għandhom l-istess indikazzjonijiet," qal Muscat li żied li l-Partit Laburista se jkun gvern umli.

    11.45 L-ewwel indikazzjonijiet juri li l-Partit Laburista kiseb 55 fil-mija tal-voti mitfugħa, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista kiseb 44 fil-mija.

    11.41 Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Lawrence Gonzi kkonċeda t-telfa tant li diġà ċempel lil Joseph Muscat. Jidher li l-maġġoranza miksuba mill-Partit Laburista hija waħda kbira.

    11.40: IL-POPLU GĦAŻEL IL-BIDLA

    11.10 Bħalissa t-tensjoni fis-sala tal-għadd tal-voti tinsab fl-aqwa tagħha hekk kif beda l-proċess li permezz tiegħu l-karti tal-voti qegħdin jitpoġġew fil-garżelli tal-kandidati.

    11.04: Intant fis-sala tal-għadd tal-voti wasal ukoll il-Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo. Fuq il-mejda tal-Partit Nazzjonalista fost dawk preżenti hemm Paul Borg Olivier, Joe Saliba u Austin Gatt.

    10.55: Il-mument tal-verità issa huwa aktar fil-qrib. Kollox lest biex f'inqas minn għaxar minuti oħra jibdew jintefgħu l-voti fil-karżelli tal-kandidati. Dan jagħmilha possibbli biex l-agenti tal-partiti, li issa ħonqu s-sala tal-għadd tal-voti, jimmarkaw fejn ikunu sejrin l-ewwel preferenzi.

    09.54: Is-sorting fuq id-distretti kollha huwa lest. Madankollu jidher li kif kien mifthiem mill-partiti politiċi, xorta l-għadd tal-voti mhux se jibda qabel il-ħdax.

    09.42: Huwa stmat li għall-ħabta tal-ħdax, meta l-proċess jidħol fl-eqqel tiegħu, ikun hemm madwar elf ruħ wara l-perspex isegwu l-proċess. Dan bejn aġenti tal-partiti, uffiċjali tas-sigurtà, pulizija u midja.

    09.10: Il-proċess miexi b'ritmu tajjeb ħafna. Sal-għaxra jaf ikun sar is-sorting kollu. Jekk dan ikun il-każ il-proċess fejn il-voti jintefgħu fil-garżelli xorta waħda ma jibdiex qabel il-ħdax.

    08.58: Kurżita ċkejkna. Fis-sala tal-għadd tal-voti n-numru tlettax jiġi qabel it-tnax. Għaliex? Dan peress li t-tlettax huwa d-distrett ta Għawdex u l-kaxxi jaf jaslu tard. B’hekk il-mejda tlettax tkun bejn it-tnax u l-ħdax għal li jista’ jinqala’ l-bżonn ta’ għajnuna.

    Spjega dan ma' inewsmalta.com, Louis Gatt, Kap tal-Uffiċċju Elettorali tal-Partit Laburista. Gatt indika li l-proċess miexi b'ritmu tajjeb u jekk dan huwa l-każ ikun ifisser li fil-ħdax jibdew ikunu mitfugħa l-voti fil-garżelli tal-kandidati.

    Intant, Nazzareno Bonnici l-kandidat indipendenti wkoll jinsab fil-'counting hall'. Bil-beritta bil-kelma KING fuq rasu, qiegħed jirrakkonta dwar il-kampanja elettorali li kellu u anke jitkellem mal-ġurnalisti.

    07.58: Fis-sala tal-għadd tal-voti, in-Naxxar, issa bdiet tiżdied mhux ftit l-attività. Il-‘kwartiieri’ tal-partiti fin-Naxxar issa huma mimlija bl-aġenti li minn hawn u ftit ieħor se jkunu qegħdin wara l-‘perspex’ jimmarkaw l-ewwel preferenzi.

    Issa kull stħarriġ tal-opinjoni pubblika u twemmin ieħor dwar x’jista jkun ir-riżultat jibda jsir dejjem iktar irrelevanti u fuq wiċċ l-aġenti tal-partiti tispikka ċertu tensjoni. Il-kelma "X'taħseb" hija l-iktar kelma komuni bħalissa Bejn tazza kafe u oħra u xi nifs ta’ sigarett fil-post fejn jinġabru dawn l-aġenti d-diskussjoni ma tonqosx. Kulħadd jipprova jagħti l-interpretazzjoni tiegħu ta’ ċifri ppubblikati lbieraħ mill-Kummissjoni Elettorali. Intant, il-proċess elettorali jidher li miexi b’mod normali u għalhekk nistennew li ftit wara l-ħdax jibdew joħorġu l-ewwel indikazzjonijiet ta’ min rebaħ l-elezzjoni.

    inewsmalta.com se jkun qiegħed iżomm il-qarrejja aġġornati kontinwament bl-aħħar informazzjoni.

    Ritratti u Filmati: Charles Marsh u Charmaine Balzan