Premier: Michael Mifsud huwa l-BOV Player tax-Xahar ta’ Awwissu

    L-attakkant internazzjonali Malti ta’ Valletta, Michael Mifsud, huwa l-BOV Premier League Player tax-Xahar għax-xahar ta’ Awwissu 2017.

    Mifsud fetaħ il-kont tal-goals tiegħu għall-istaġun 2017/18 bir-rebħa ta’ Valletta fuq Senglea bl-iskor ta’ 1-0 fejn huwa ġie wkoll  ivvotat bħala l-aħjar player tal-logħba. 

    Fit-33 minuta tal-logħba, Zerafa għadda b’mod preċiż lejn l-attakkant veteran fil-kaxxa l-kbira fejn Mifsud wera l-klassi kollha tiegħu meta b’daqqa ta’ takkuna għeleb lill-goalkeeper ta’ Senglea, Thomas Aquilina.

    Mifsud kellu wkoll wirja brillanti fil-logħba tal-ftuh tal-kampjonat, fir-rebħa ta’ 1-0 fuq Mosta. Minkejja li ma kienx fost l-iskorers, huwa kien strumentali f’din ir-rebħa fejn resaq ukoll viċin iżda t-tentattiv tiegħu ġie mblukkat fil-ħin minn Zach Brincat li dawwar f’corner. 

    Il-manager tal-Fergħa tal-Bank of Valletta, fi Triq ir-Repub­blika fil-Belt Valletta, Charles Grech Soler, ippreżenta t-trofew b’disinn ġdid tal-BOV Player tax-Xahar lil Mifsud li għażel lil Puttinu Cares biex jibbenefikaw mid-donazzjoni assoċjata ma’ dan l-unur.

    Il-Bank of Valletta huwa sponsor ewlieni tal-inizjattivi sportivi f’Malta permezz tal-Programm Komunitarju estensiv tiegħu u dan huwa t-13-il staġun konsekuttiv li l-BOV qed ikun wieħed mill-isponsors prinċipali tal-Malta Football Association.