UFFIĊJALI: IVVOTAW 93%

    Jidher li kienu madwar 92% l-persuni li marru jivvotaw. Din hija biss indikazzjoni minn qrib il-partiti u jekk tkun ikkonfermata jfisser li jkunu vvotaw ftit inqas minn ħames snin ilu. Ħames snin ilu vvotaw madwar 93%. Għalkemm 92% ma tkunx rata baxxa din xorta tkun waħda fost l-iktar baxxa għal elezzjoni ġenerali.

    Intant, fin-Naxxar bdew jaslu l-ewwel kaxxi tal-voti bl-ewwel xarabank li waslet kienet dik tal-Mosta. Bħalissa qegħdin jaslu xarabank wara l-oħra u l-kaxxi tal-voti jidħlu fiċ-ċentru tal-għadd tal-voti biex jibdew jinfetħu.

    Fi tmiem il-votazzjoni, permezz ta' stqarrija, il-Partit Nazzjonalista rringrazzja lill-poplu Malti li pparteċipa bis-sħiħ fl-elezzjoni ġenerali tal-lum is-Sibt, 9 ta' Marzu.

    “Il-parteċipazzjoni tal-poplu f'dan l-eżerċizzju demokratiku jikkonferma l-interess tal-poplu Malti fit-tmexxija ta' pajjiżu,” intqal fl-istqarrija. Il-Partit Nazzjonalista rringrazzja lill-poplu wkoll tal-maturita li wera matul il-kampanja elettorali u fil-gurnata tal-votazzjoni u mill-ġdid itenni l-appell tiegħu biex tinżamm il-kalma u kulħadd jirrispetta d-deċiżjoni kif tkun espressa mill-maġġoranza tal-elettorat.

    Il-Partit Nazzjonalista rringrazzja wkoll lill-voluntiera kollha li matul dawn il-ġimgħat tal-kampanja elettorali taw is-servizz tagħhom permezz tal-Partit Nazzjonalista b'riżq pajjiżna. Il-Partit Nazzjonalista rringrazzja lill-ġurnalisti tal-impenn u s-servizz tagħhom matul il-kampanja elettorali.

    Iktar qabel: Ġimgħat ta' stħarriġ tal-opinjoni pubblika llejla jfissru ftit li xejn hekk kif issa jgħodd biss dak li hemm fis-700 kaxxa tal-vot madwar il-pajjiż. Dan wara li ftit tal-minuti ilu ntemmet il-votazzjoni u għalhekk issa l-attenzjoni ddur fuq is-sala tal-għadd tal-voti fin-Naxxar. Bħalissa, fid-dħul taċ-Ċentru tal-Fieri n-Naxxar, tiddomina l-preżenza tas-suldati u l-pulizija li jisabu jikkordinaw il-wasla tal-kaxxi tal-voti.

    Fuq il-post ukoll bdew jaslu l-aġenti tal-partiti politċi biex jgħinu fil-proċess ta' rikonċiljazzjoni. Proċess li mistenni jibda hekk kif jibdew jaslu l-kaxxi tal-voti.

    Ritratt u Filmat: Aleander Balzan