“Rajt l-idejn żgħar tagħhom maħruġin ‘il barra mit-twieqi jitkarrbu għall-għajnuna"... mill-anqas 24 jitilfu ħajjithom f'dormitorju li ħa n-nar

    Mill-anqas 24 persuna, b’ħafna minnhom ikunu żgħażagħ, tilfu ħajjithom wara li nqabdu qalb in-nirien li tkebbsu f’dormitorju ta’ skola iżlamika.

    Ir-residenti ta’ Kuala Lumpur iddeskrivew kif minkejja li semgħu l-krib taż-żgħażagħ minn wara t-twieqi, huma ma setgħu jagħmlu xejn sabiex jgħinuhom.

    Il-pumpiera kienu msejħin fuq il-post kmieni dalgħodu u ħadu madwar siegħa sabiex ikkontrollaw in-nirien li qegħdin ikunu maħsubin li kienu kkawżati minħabba difett fis-sistema tal-elettriku.

    In-nirien tkebbsu viċin il-bieb prinċipali tad-dormitorju u b’hekk l-istudenti spiċċaw maqbudin ġewwa mingħajr ċans li jaħarbu mill-periklu.

    Il-pulizija sabet madwar 24 katavru qalb l-irmied, fosthom żewġ għalliema u 22 student ta’ età li tvarja bejn it-13 u s-17-il sena.

    Waħda mir-residenti qalet “rajt l-idejn żgħar tagħhom maħruġin ‘il barra mit-twieqi jitkarrbu għall-għajnuna… Xtaqt ngħinhom, iżda n-nirien kienu wisq qawwijin… Irnexxieli biss insalva xi tfal li qabżu ‘l barra mit-twieqi”.

    Fost dawk salvati kien hemm 14-il student u erba’ għalliema, b’sitta minnhom jittieħdu l-isptar f’kundizzjoni kritika.

    Dan id-dormitorju kien bħal skola privata fejn it-tfal musulmani, ħafna minnhom subien, jistudjaw u jitgħallmu bl-amment il-Koran.