Malta mal-ewwel għaxra fis-servizzi tas-saħħa

    Skont klassifika ppubblikata fil-ġurnal influwenti mediku The Lancet, Malta tinsab fit-8 post minn 188 pajjiż f’dik li għandha x’taqsam il-mira fil-qasam tas-saħħa tal-Ġnus Magħquda.

    F’analiżi simili ppubblikata s-sena li għaddiet Malta kienet fl-14-il post. Dan ifisser li matul din is-sena f’Malta ġie mkejjel titjib konsiderevoli li wassal biex nitilgħu sitt postijiet ’il fuq fil-klassifika - meta diġà konna tajjeb ħafna.

    Dan l-istudju jikkalkula numru ta’ indikaturi għal żvilupp sostenibbli fil-qasam tas-saħħa u minn dan il-punteġġ  jinħareġ ir-riżultat finali. Malta kisbet punti massimi (100) f’numru ta’ oqsma fosthom: mortalità fit-tfal, malarja u mwiet minn ivvalenar. Malta kisbet punti tajbin ħafna (’il fuq minn 90) f’dak li għandu x’jaqsam ma’ tilqim, sanità, kwalità tal-ilma u iġjene. Indikaturi li jissemmew fl-istudju u li għad għandna bżonn naħdmu aktar fihom huma l-obeżità fit-tfal u l-inċidenza tal-HIV.

    Id-Deputat Prim  Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li jinsab sodisfatt li għal darba oħra t-tijib li sar lokalment fil-qasam tas-saħħa hu rikonoxxut mhux biss f’pajjiżna iżda wkoll lil hinn minn xtutna. “B’dan l-istudju qbiżna pajjiżi ferm akbar minna li għandhom riżorsi ferm akbar minn tagħna bħar-Renju Unit, il-Ġermanja u l-Kanada”, qal Chris Fearne.

    Rigward l-obeżità fit-tfal, id-Deputat Prim Ministru qal li matul din is-sena ħdimna ħafna f’dan ir-rigward speċjalment waqt il-Presidenza tal-Unjoni Ewropea fejn ġiet stabbilita linja gwida għax-xiri tal-ikel fl-iskejjel. “Nittamaw li nibdew naraw ir-riżultati li nixtiequ f’dan il-qasam ukoll”, żied il-Ministru għas-Saħħa.

    F’dak li għandha x’taqsam l-HIV, Chris Fearne fakkar li fost il-wegħdiet elettorali ta’ dan il-gvern hemm l-aġġornament tan-National HIV/AIDS policy biex nilqgħu għal sfidi eżistenti. 
    Fuq kollox, dan l-istudju estensiv ikompli jikkonferma li fejn tidħol is-saħħa Malta qiegħda fuq quddiem nett.