Somalu mixli li pprova jbigħ id-droga

    Żagħżugħ mis-Somalja baqa' miżmum taħt arrest wara li kien mixli li pprova jittraffika r-reżina tal-kannabis.

    Abdi Ali Jama, ta' 29 sena, inqabad minn pulizija allegatament jipprova jbiegħ id-droga lil barrani ieħor. Minn tfittixija li saret fuqu nstab li kellu sitt grammi kannabis.

    L-Avukat Patrick Valentino talab għall-ħelsien mill-arrest ta' Jama madankollu l-Ispettur Trevor Micallef oġġezzjona għax qal li l-akkużat jgħix fiċ-Ċentru Miftuħ ta' Ħal Far u ma jistax jitqies bħala residenza fissa.

    Il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras laqgħet l-oġġezzjoni tal-prosekuzzjoni u ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.