Kritika fil-konfront ta' Metsola talli apertament ħarġet tappoġġja lil Chris Said

    Messaġġ tal-Membru Parlamentari Ewropew Nazzjonalista Roberta Metsola wassal għal kritika fil-konfront tagħha. Dan wara li fil-messaġġ tagħha ppubblikat fl-aħħar jiem, l-istess Metsola bħal ħafna esponenti oħrajn tal-Partit Nazzjonalista, għamlitha pubblika lil min se tkun qed tappoġġja fl-elezzjoni lli se tkun qed tiżvolġi fi żmien ftit jiem oħra u li għandha twassal biex jinħatar Kap ġdid Nazzjonalista.

    Fil-kumment tagħha li kien akkumpanjat minn ritratt tagħha fil-kumpanija tal-kandidat Chris Said, hija saħqet li l-Partit Nazzjonalista jinsab f’salib it-toroq, bl-aħħar ħaġa li l-partit irid huwa ‘clean sweep’ ta’ kull min kien leali lejn il-Partit u l-valuri li jirrappreżentawh. Saħqet li lil Said dejjem ratu jaħdem bla waqfien kemm bħala Ministru u kif ukoll bħala Segretarju Ġenerali, u taf il-prinċipji li jsawruh.

    Hija temmet tgħid li Said jinsab fix-xena politika biex jieħu deċiżjonijiet diffiċli u mhux biex jaħrab minnhom u “naf li huwa se jwassal lill-Partit fejn verament irriduh”.

    Messaġġ li madankollu ma ntlaqax sew minn bosta, b’diversi jkunu l-kummenti li m’għandha ssir l-ebda forma ta’ influwenza fuq it-tesserati tal-Partit dwar lil min se jkunu qed jappoġġjaw u eventwalment jivvotaw fl-elezzjoni ta’ nhar is-Sibt li għadda.