“Il-vittmi tiegħu kienu kollha kriminali” … Stqarrija xokkanti tas-serial killer Todd Kohlhepp

    Serial killer qal li l-vittmi tiegħu fil-verità kienu kriminali. Dan filwaqt li qal li kien qed jipprova jgħin lil tfajla li żamm maqfula f’kontejner għal xahrejn sħaħ.

    Todd Kohlhepp, ta’ 46 sena, għamel din l-istqarrija xokkanti f’ittra li bagħat lil ġurnalist tan-New York Post filwaqt li qed jinżamm f’ħabs f’South Carolina. Din kienet l-ewwel darba li Kohlhepp għamel xi forma ta’ stqarrija mindu f’Mejju li għadda ammetta l-akkużi miġjubin fil-konfront tiegħu, fosthom li qatel seba’ persuni, bi stupru, u anke ħtif ta’ persuni.

    Kohlhepp inqabad wara li l-awtoritajiet irnexxielhom jirrintraċċaw sinjal mill-mowbajl ta’ waħda mill-vittmi tiegħu, fi proprjetà tiegħu f’Novembru li għadda. Il-pulizija kienu semgħu lill-mara, Kala Brown ta’ 30 sena, tgħajjat u ssabbat minn ġewwa kontejner, u sabuha maqfula u marbuta minn għonqha.

    Brown kienet qalet li Kohlhepp kien qatel u difen lill-għarus tagħha, Charlie Carver ta’ 32 sena, u kien jistupraha darbtejn kuljum, għall kull jum li żammha maqfula tul dawn ix-xahrejn.