L-eks-Sindku Nazzjonalista tar-Rabat bi kritika ħarxa għal DCG … Se jivvota lil Delia wara li “fetħitlu għajnejh”

    “Meta bdew l-attakki ndunajt li hemm id moħbija wara dan kollu.” Hekk saħaq Rudolf Grima, eks-Sindku Nazzjonalista għar-Rabat, f’kumment li ppubblika fuq il-profil tiegħu ta’ Facebook, li permezz tiegħu esprima li se jkun qed jappoġġja l-kandidatura ta’ Adrian Delia fl-elezzjoni li se tiżvolġi nhar is-Sibt li ġej u li għandha twassal għall-ħatra ta’ Kap ġdid Nazzjonalista.

    Fil-kumment tiegħu Grima kien ċar ħafna u kkritika lill-blogger Daphne Caruana Galizia talli tul dawn il-ġimgħat ta’ kampanja qabel l-iżvolġiment tal-elezzjoni nfexxet f’sensiela ta’ attakki fil-konfront ta’ wħud mill-kandidati li kienu qed jikkontestaw, l-aktar fil-konfront ta’ Adrian Delia. Grima saħaq li huwa tal-mistħija li tattakka lil persuni għax ikunu għażlu li jappoġġjaw lil kandidat partikolari minflok ieħor.

    Grima saħaq li kienu proprja dawn il-messaġġi li wassluh biex ibiddel fehemtu dwar lil min għandu jivvota. “Se nivvota għal bidla għax dawn l-affarijiet qażżewni. Sa ftit ġimgħat ilu kelli ħsieb ieħor kif u lil min se nivvota, però minn xi ġranet ’l hawn biddilt il-ħsieb.”

    Huwa temm il-messaġġ tiegħu bi kritika diretta fil-konfront ta’ Caruana Galia: “Grazzi Daphne u min hemm warajk talli ftaħtuli għajnejja!”