Rummenigge jikkritika lil Robert Lewandowski

    Il-kap eżekuttiv ta' Bayern Munich, Karl-Heinz Rummenigge, ikkritika lil Robert Lewandowski wara li l-attakkant sostna li l-infiq tal-club ma jikkumparax tajjeb ma' dak ta' PSG jew Barcelona 

    Lewandowski ma kienx impressjonat bil-kampanja ta' akkwisti tal-club Ġermaniż, fejn xtraw lil Corentin Tolisso mingħand Lyon għas-somma ta' £37.3 miljuni, Niklas Sule mingħand Hoffenheim għal £17.4 miljuni filwaqt li kisbu lil Kingsly Coman b'mod permanenti mingħand Juventus għal £19.1 miljuni. Huma akkwistaw lil James Rodriguez b'self mingħand Real Madrid.

    Rummenigge tenna: "Hija ħasra li Lewandowski ra l-affarijiet b'dak il-mod. Il-lealtá lejn il-club hija parti mid-DNA ta' Bayern u hija mportanti għall-partitarji tagħna. Għal snin twal kellna filosofija serja u ta' suċċessi li ġabitilna diversi unuri. Naqbel li l-pagi jridu jiġu regolarizzati u mnaqqsa.  Dawk li jikkritikaw lill-club jew lil sħabhom pubblikament ser ikollhom xi jgħidu miegħi. Lewandowski diġa għamel stqarrija falza wara l-logħba ta' Freiburg fejn qal li ma ngħatax apoġġ biżżejjed."