Dr Borg jiltaqa’ mal-IMO waqt il-Ġimgħa tat-Tbaħħir f’Londra

    Il-Ministru Ian Borg jinsab fir-Renju Unit biex jattendi avvenimenti importanti organizzati għall-Ġimgħa tat-Tbaħħir f’Londra. Ilbieraħ Dr Borg iltaqa’ mas-Segretarju Ġenerali tal-IMO Kitack Lim. L-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) hi l-aġenzija speċjalizzata tan-Nazzjonijiet Uniti li tistipula l-istandards globali fejn jidħlu affarijiet ta’ tbaħħir u hi responsabbli għas-sigurtà f’dan is-settur u għall-prevenzjoni tat-tniġġis tal-baħar mill-bastimenti. Malta ilha membru mill-1996 u bħalissa tifforma parti mill-Kunsill. 

    Waqt iż-żjara mas-Sur Lim il-Ministru Borg tkellem dwar l-impenn ta’ Malta biex issegwi l-għanijiet tal-IMO. Malta tagħti appoġġ b’saħħtu lil dawn l-għanijiet u hi kommessa għall-approċċ tal-organizzazzjoni - li hu wieħed favur implimentazzjoni universali tar-regoli tal-IMO biex tiżdied is-sigurtà u jogħla l-istandard ta’ prevenzjoni tat-tniġġis fil-baħar u fil-portijiet. Dr Borg afferma mill-ġdid li l-protezzjoni tal-ambjent minn tibdil fil-klima teħtieġ risposta globali u l-istess jgħodd fejn jidħol it-tbaħħir, li hu settur internazzjonali. Dr Borg qal li Malta hi kburija bir-rekord pożittiv li l-organizzazzjoni għandha fit-tmexxija tal-industrija, li permezz tagħha, it-tbaħħir hu aktar sigur, nadif u effiċjenti, filwaqt li twitti t-triq għal tkabbir ekonomiku sostenibbli għal dan is-settur fil-futur. Hu tkellem ukoll dwar l-inizjattivi li tieħu Malta biex tagħti appoġġ lill-IMO kif ukoll l-assistenza teknika provduta minn Malta, bħal fondi importanti.

    Dr Borg qal li Malta se terġa’ tfittex li tkun eletta fil-Kategorija Ċ tal-Kunsill f’Novembru 2017 u tixtieq tikkonsolida l-parteċipazzjoni attiva tagħha fix-xogħol tal-IMO. Il-Ministru saħaq dwar l-importanza ta’ Malta bħala rappreżentanta kemm tar-reġjun Mediterranju kif ukoll ta’ numru ta’ ekonomiji ta’ gżejjer żgħar. Il-Konvenzjoni dwar l-Ilma tas-Saborra li bdiet titħaddem fit-8 ta’ Settembru 2017 u li ġiet irratifikata minn Malta l-ġimgħa li għaddiet ukoll kienet diskussa. Din il-konvenzjoni tfisser pass importanti ’l quddiem lejn il-protezzjoni tal-ambjent marittimu kontra t-trasferiment ta’ organiżmi fl-ilma tas-saborra.

    Filgħaxija l-Ministru Borg attenda riċeviment f’Lancaster House ospitat mis-Segretarju tal-Istat Chris Grayling u miċ-Chairman ta’ Maritime UK David Dingle. Dr Borg mistenni jattendi r-riċeviment tal-elezzjoni tal-Kunsill tal-IMO fir-Renju Unit ospitat mill-Ministru John Hayes.