Jissoktaw il-botti ta’ Said lejn Delia

    Hekk kif ninsabu ftit jiem bogħod qabel it-tesserati tal-Partit Nazzjonalista jagħmlu l-għażla tagħhom dwar il-Kap il-ġdid tal-PN, il-kandidat għall-Kap tal-PN Chris Said kompla bil-botti diretti lejn il-kandidat l-ieħor Adrian Delia meta baqa’ jinsisti li l-Oppożizzjoni m’għandhiex tkun qegħda hemm il-ħin kollu biex tara kif se tiddefendi l-kredibbilità u l-integrità tal-persuni li jiffurmaw it-tmexxija tagħha. 

    Waqt li kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet f’Tas-Sliema, Said irrefera wkoll għall-fatt li huwa Membru Parlamentari u f’każ li jkun elett, ikun jista’ jieħu l-ġurament ta’ Kap tal-Oppożizzjoni mingħajr problemi ta’ xejn. Din tista’ titqies ukoll bħala referenza għall-fatt li Delia mhux Membru Parlamentari u biex ikun Kap tal-Oppożizzjoni, jrid ikun hemm xi ħadd ieħor lest li jċedilu s-siġġu parlamentari. 

    Fid-diskors tiegħu, Said saħaq fuq il-bżonn li jkollna Oppożizzjoni li tkun qed taħdem biex ikollha viżjoni moderna għall-pajjiż. 

    “Oppożizzjoni li tkun qiegħda hemm torganizza lilha nfisha biex tkun partit modern, effettiv u ppreparat. Oppożizzjoni li tkun il-ħin kollu f’kuntatt mal-pajjiż u attenta għal dak li qed jagħmel il-Gvern. Biex tkun attenta, huwa importanti li ma jkun hemm xejn x’itappan il-kredibbilità u l-integrità tal-uffiċjali tagħha biex tkun tista’ titkellem bla ebda biża’ fejn ikun hemm abbużi, illegalitajiet u anke korruzzjoni min-naħa tal-Gvern.” 

    Said tkellem ukoll dwar proposti li jolqtu l-anzjani fosthom il-ħidma biex titneħħa kull tip ta’ taxxa tad-dħul fuq il-pensjonijiet. Huwa semma wkoll li l-anzjani għandu jkollhom pensjoni adegwata li tħallihom jgħixu b’mod tajjeb. Said qal li għandha ssir ħidma biex il-mediċini kollha li jkollhom bżonn l-anzjani, jingħataw b’xejn.