"Il-Vot 16 għal elezzjonijiet nazzjonali huwa pass naturali"

     Filwaqt li laqa' b’sodisfazzjon il-konsultazzjoni pubblika li tnediet dwar il-Vot 16, il-Forum Żgħażagħ Laburisti qal li wara li fl-2015 żgħażagħ ta’ 16 u 17-il sena setgħu, għall-ewwel darba, jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-Kunsill Lokali, huwa pass naturali li dan il-vot jiġi estiż ukoll għall-elezzjonijiet ġenerali u dawk Ewropej.

    “Kif iż-żgħażagħ għandhom l-obbligi tagħhom x'jonoraw meta jkunu fid-dinja tax-xogħol u kif għandhom l-għażla li jidħlu fiż-żwieġ ta' dik l-istess età, għandu jkollhom iċ-ċans li jagħżlu r-rappreżentanti tagħhom fl-ogħla istituzzjonijiet demokratiċi”, qal il-FŻL. 

    Innota wkoll bi pjaċir li qed ikun diskuss jekk ta’ 16–il sena, żagħżugħ jew żagħżugħa għandhomx ikollom iċ-ċans li jikkontestaw l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, u konsegwentement, ikollhom il-possibilità li jsiru Sindki. Irrimarka li huwa wkoll ta’ sodisfazzjon li għal darb oħra l-gvern qed iżomm l-impenji tal-programm elettorali tal-Partit Laburista, li jibqa’ jkun fuq quddiem ta’ dawn ir-riformi importanti fil-pajjiż. 

    Il-FŻL fakkar li fl-aħħar elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, il-Partit Laburista ippreżenta 58 kandidat taħt l-età ta' 35 sena, li minnhom kienu eletti 77.6%, inkluż seba’ sindki ġodda u tnejn li kienu ikkonfermati fil-pożizzjoni tagħhom.