Tissaħħaħ il-koperazzjoni kulturali bejn Malta u ċ-Ċina

    Il-koperazzjoni fis-settur kulturali bejn il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali u l-Gvern Popolari tal-Provinċja Guizhou fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina se tkompli tissaħħaħ permezz ta’ ftehim li ġie ffirmat illum fil-preżenza tal-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, Owen Bonnici. 

    Permezz ta’ dan il-ftehim, il-Kunsill Malti għall-Arti u Heritage Malta fuq naħa u l-Gvern Popolari tal-Provinċja Guizhou fuq naħa oħra, qablu li fis-sentejn li ġejjin arkeoloġisti Maltin se jkunu mistiedna biex iżuru s-sit prestiġjuż bit-titlu tal-UNESCO Hailong Outpost. Barra minn hekk, il-ftehim se jiftaħ il-bibien għal koperazzjoni fuq il-preservazzjoni u l-iżvillup ta’ siti ta’ wirt dinji billi tittieħed l-esperjenza tal-Maltin u mezzi ta’ żvillup u protezzjoni tal-wirt kulturali f’Guizhou. Espert Malti se jkun mistieden biex jattendi l-Forum dwar Wirt Kulturali Intanġibbli fl-2019 li se jkun organizzat flimkien mal-Kumitat għall-Iżvillup Turistiku tal-Provinċja Guizhou u d-Dipartiment tal-Kultura tal-Pronvinċja Guizhou.

    Il-Provinċja ta’ Guizhou se tistieden ukoll żewġ speċjalisti Maltin fil-protezzjoni tal-wirt kulturali intanġibbli biex jattendu simposju dwar il-Protezzjoni tal-Wirt Kulturali Intanġibbli f’Guiyang. Il-Ministeru iqis il-preservazzjoni tal-wirt kulturali intanġibbli bħala wieħed importanti ħafna u jinkoraġġixxi aktar rispett u għarfien lejn dan il-wirt kif ukoll imexxi ’l quddiem aktar koperazzjoni internazzjonali f’dan ir-rigward. Il-Parlament irratifika aktar kmieni din is-sena il-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Ħarsien tal-Wirt Kulturali Intanġibbli.

    L-artisti wkoll mistennija li se jibbenefikaw minn dan il-ftehim għaliex dan iwitti t-triq għall-grupp t’artisti Maltin biex jattendu l-Festival Kulturali tal-Arti ta’ Guizhou li se jittella’ fl-2018 u l-2019. 

    Il-ftehim ġie ffirmat miċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti s-Sur Albert Marshall, s- CEO ta’ Heritage Malta s-Sur Kenneth Gambin, u l-Viċi-Gvernatur tal-Gvern Popolari tal-Provinċja ta’ Guizhou He Li.