Libjan mixli bi qtil issa mixli b'serqa

    Libjan li flimkien ma' Tuneżin qed jistenna li jgħaddi ġuri dwar qtil f'Malta issa kien mixli li wettaq serqa.

    Ismael Habesh ta' 45 sena ġie mixli bl-attentat li sar nhar il-Ħadd f'Ħal Qormi fuq xufier ta' Mercedes li fiha dan intalab jagħti €20,000 minn persuni li nstemgħu barranin.

    L-ewwel informazzjoni li waslet għand il-Pulizija kienet dwar sparatura f'Ħal Qormi imma mill-istħarriġ ma rriżultalix li kien hemm ebda tiri sparati.

    Habesh kien arrestat f'residenza fil-Mosta.

    Il-Libjan wieġeb li mhux ħati u l-Maġistrat Claire Stafrace Zammit tatu l-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet fosthom depożitu ta' €1,000, garanzija personali ta' €9,000, li jrid jiffirma l-għassa kuljum, li ma jersaqx lejn Ħal Qormi, li ma jkellimx lill-allegat vittma jew lil dawk li kellu miegħu fil-Mercedes u li ma jaħrabx minn Malta.

    Flimkien ma' Faical Mohouachi, Tuneżin ta' 49 sena, Habesh jinsab mixli bil-qtil ta' Simon Grech.

    Il-vittma, ta' 20 sena mis-Siġġiewi, kien instab mejjet f'għalqa fil-Marsa nhar it-13 ta' April 2005 u mill-awtopsja rriżulta li kien ingħata diversi daqqiet ta' sikkina.