Ġugarelli perikolużi rtirati mis-suq

    Id-Direttorat għas-Sorveljanza tas-Suq li jagħmel parti mid-Diviżjoni għar-Regolamenti Tekniċi fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA), irtira erba’ ġugarelli minn fuq is-suq lokali. Dawn il-ġugarelli rriżultataw li jistgħu jinqalgħu minnhom partijiet żgħar u li faċli jinbelgħu mit-tfal. Apparti minn hekk, tlieta minn dawn l-erba’ ġugarelli għandhom ħolqa li meta tiġġebbed tista’ tkun ta’ periklu jekk tiddawwar mal-għonq tat-tfal u għalhekk jista’ jkun hemm riskju ta’ strangolazzjoni.

    Dan wassal biex id-Direttorat ħa l-prekawzjonijiet neċessarji biex dawn il-prodotti jitneħħew mis-suq lokali. Dawn il-ġugarelli huma:

    -          Dudu tal-ħarir, bl-isem ta’ Puffer Caterpillar with Light, magħmul minn materjal li jiġġebbed b’ħafna ponot ħerġin minnu. In-numru tal-mudell hu TY3633. Fost il-partijiet żgħar li jistgħu jinqalgħu minn dan il-ġugarell hemm l-għajnejn u l-ballun li jixgħel. Barra minn hekk, f’tarf minnhom il-materjal jestendi f’ħolqa li meta tiġġebbed tista’ tkun ta’ periklu jekk tiddawwar mal-għonq tat-tfal (irreferi għall-figura 1);

    -          Ballun magħmul minn materjal li jiġġebbed b’ħafna ponot ħerġin minnu tad-ditta ECLT. In-numru tal-mudell hu 6582 u  manifatturat fiċ-Ċina. Il-ġugarell jikkonsisti f’partijiet żgħar li faċilment jitqaċċtu, u f’ħolqa li meta tiġġebbed tista’ tkun ta’ periklu jekk tiddawwar mal-għonq tat-tfal (irreferi għall-figura 2);

    -          Ballun magħmul minn materjal li jiġġebbed b’ħafna ponot ħerġin minnu tad-ditta Puffer Ball, manifatturat fiċ-Ċina. Il-ġugarell jikkonsisti f’partijiet żgħar li faċilment jitqaċċtu u f’ħolqa li meta tiġġebbed tista’ tkun ta’ periklu jekk tiddawwar mal-għonq tat-tfal (irreferi għall-figura 3);

    -          Ballun tal-foam aħdar u vjola li jbiddel il-kuluri malli tmissu, bin-numru tal-mudell 4706015, manifatturat fiċ-Ċina. Dan il-ballun faċilment jiċċarrat u kawża t’hekk jinqalgħu minnu biċċiet żgħar tal-foam li faċilment jibilgħuhom it-tfal (irreferi għall-figura 4). 

    Il-ġugarelli kollha msemmija hawn fuq tista’ ssibhom f’varjetà ta’ kuluri. Dawk il-konsumaturi li xtraw xi wieħed minn dawn il-ġugarelli msemmija hawn fuq għandhom jieqfu jużawh u jirritornawh minnufih fil-ħanut minn fejn xtrawh.  

    Id-Direttorat jixtieq ifakkar lill-manifatturi u l-importaturi sabiex dejjem ipoġġu fuq is-suq prodotti li huma sikuri. Apparti minn hekk, il-persuni kollha responsabbli li jpoġġu l-prodotti tagħhom fuq is-suq għandhom jaċċertaw ruħhom li dawn huma skont il-ligi tal-Unjoni Ewropea.

    F’każ ta’ mistoqsijiet jew għal aktar taghrif wieħed għandu jikkuntattja lill-MCCAA fuq 2395 2000 jew fuq info@mccaa.org.mt.