FILMAT: Kim Jong-un b'festin kbir lix-xjentisti li ħadmu fuq il-bomba tal-idroġenu … jidher jidħak waqt filmat li juri l-assemblaġġ tal-bomba!

    Filwaqt li d-dinja hija mħassba dwar il-possibbiltà ta’ gwerra nukleari kaġun tal-programm nukleari mħaddan mill-Korea ta’ Fuq, mhux l-istess jista’ jingħad għall-mexxej tal-pajjiż Kim Jong-un li f’filmat li kien ippubblikat jidher rilassat u jieħu gost hekk kif attenda bankett ta’ ċelebrazzjoni li ironikament f’mument minnhom xandar filmat ta’ xjentisti jaħdmu fuq il-bomba tal-idroġenu li ntużat f’test nukleari riċenti minn Pyongyang.

    Jidher li Kim organizza dan il-festin biex jikkongratulu lix-xjentisti li għenu biex dan it-test nukleari, is-sitt wieħed tax-xorta tiegħu, li żvolġa matul il-ġimgħa li għaddiet ikun suċċess. Waqt iċ-ċerimonja, li żvolġiet fit-Teatru tal-Poplu f’Pyongyang, f’filmat li ntwera lil dawk kollha preżenti xjentisti jidhru jaħdmu u jassemblaw il-bomba tal-idroġenu.

    Il-filmat tal-bankett li għalih Kim attenda flimkien ma’ martu Ri Sol-Ju, ġie mxandar mill-istazzjon nazzjonali televiżiv, b’Kim jidher daħkan f’reazzjoni għall-filmat li juri l-assemblaġġ tal-bomba tal-idroġenu.