L-użu tal-‘e-cigarettes’ konness ma' żieda f'attakki tal-qalb u puplesiji

     

    Is-sigaretti elettroniċi – jew kif inhuma magħrufin aħjar bħala e-cigarettes jew vaping devices – li jkollhom in-nikotina jafu jwasslu għal riskju akbar ta’ attakki tal-qalb u attakki pupletiċi. Dan ħareġ minn studju li juri kif dawn il-‘vaping devices’ għandhom stimulant li jikkaġuna lill-arterji tal-qalb biex jibbiesu. Dan mhux biss hekk kif jaf jiżdied ir-ritmu ta’ kemm tħabbat il-qalb u kif ukoll il-pressjoni tad-demm.

    Xjentisti fi Stokkolma, l-Iżvezja, waslu għal dawn il-konklużjonijiet wara li għamlu serje ta’ testijiet fuq grupp ta’ 15-il voluntier li qatt ma kienux għamlu użu minn dawn is-sigaretti elettroniċi. Mit-testijiet irriżulta li nofs siegħa biss wara li għamlu użu mill-e-cigarettes li kellhom nikotina, kienet reġistrata żieda sinjifikanti fil-pressjoni tad-demm, fir-ritmu tat-taħbit tal-qalb, u fl-ebusija tal-arterji.

    Madankollu ma kien hemm l-ebda effetti ta’ din ix-xorta f’dawk il-voluntieri li pejpu e-cigarettes mingħajr nikotina.

    Dr Magnus Lundback, mill-Univeristà tal-Isptar ta’ Danderyd, qal li l-użu tas-sigaretti elettroniċi żdied konsiderevolment tul dawn l-aħħar snin, bil-pubbliku inġenerali jqis dawn il-prodotti bħala li ma humiex ta’ dannu għas-saħħa. “Madankollu dejjem qed ikun hemm iktar xhieda li turi li dawn il-prodotti jaf ikollhom impatt negattiv fuq is-saħħa ta’ min jagħmel użu minnhom.”

    Lundback żied jgħid li minkejja li l-effetti li raw fit-testijiet kienu biss temporanji, tista’ ssir ħsara permanenti fl-arterji għal min ikun espost b’mod kromiku għal dawn is-sigaretti elettroniċi li jużaw in-nikotina.