Tilef lil martu u bintu… daqt jitlef bint oħra

    X'hemm iktar agħar għal missier li jkun tilef lil martu u lil bintu? Li jagħtuh l-aħbar li tifla oħra daqt tmutlu. Tinstema kiefra imma din ir-realta li qed jgħix Joe Moroney, Ingliż ta' 39 sena.

    Fl-2012 Joe kien fuq is-sufan qed jara t-televiżjoni ma' martu Nicola li kienet qed tistenna t-tielet wild tagħhom. Ħabta u sabta l-mara ta' 33 sena taha attakk tal-qalb u ttieħdet l-isptar fejn mietet.

    It-tarbija, li kienu se jsemmuha Ruby, twelldet b'ċesarja u żammet ħajja għal 14-il siegħa fuq il-magna madankollu l-missier iddeċieda li tingħaqad m'ommha u konxju li ma kienx hemm iktar tama għaliha aċċetta li tintfilha l-magna.

    Fi spazju ta' ġurnata kien tilef lil martu u bintu ż-żgħira. Issa ried jara kif jagħmel biex jieħu ħsieb liż-żewġt ibniet l-oħra, Lucy u Amy li kien għad kellhom erba' snin u sentejn rispettivament.

    Moroney jirrakkonta kif it-telfa ta' Nicola kienet trawmatika u ħalliet vojt kbir f'ħajjithom bħalma kienet ukoll it-telfa ta' bintu ż-żgħira.

    Huwa jiddeskrivi t-18-il xahar ta' wara bħala nfern u jgħid li bilkemm kien jiflaħ iħares lejn uliedu. Madankollu l-familja ngħaqdet u kompliet bil-ħajja tagħha.

    Tliet snin wara ltaqa' mas-sieħba attwali tiegħu, Claire Evans, u beda relazzjoni magħha. Tliet ġimgħat ilu t-tfajla ta' 29 sena welldet lil binhom Max.

    Imma l-ferħ għall-familja Moroney ma kellux idum wisq. Lucy bdiet tiżbilanċja fil-movimenti tagħha u meta ħaduha għat-testijiet it-tobba tawh żewġ aħbarijiet koroh … l-ewwel li bintu l-kbira kellha tumur f'moħħha u t-tieni li ma kellix iktar minn disa' xhur ħajja. It-tifla għad għandha disa' snin.

    It-tip ta' tumur li għandha Lucy jissejjaħ Diffuse Intrinsic Pontine Glioma (DIPG). 

    Minbarra li jaffettwa l-ko-ordinazzjoni, dan it-tip ta' tumur jolqot ukoll in-nifs, il-viżta u l-pressjoni tad-demm. 

    Lucy spiċċat tbati biex tibla' u qed tispiċċa “tiekol” minn imneħirha bl-użu ta' magna. Biex timxi qed tbati wkoll u sar ikollha bżonn tuża siġġu tar-roti.

    It-tifla mhux tħalli dan kollu jaffettwaha u qed tgħid lil missierha x'tixtieq għall-Milied li ġej u liema postijiet trid iżżur meta tikber.

    Meta kienet żgħira missierha u ommha wegħduha li meta tikber kienu se jeħduha tgħum mad-dniefel u Joe jinsab determinat li jaqtalha din ix-xewqa qabel saħħitha tiddeterjora.

    Il-missier qed jgħin lil bintu tikteb ktieb dwar brimba li ssir ħabiba ma' baliena wara li qabdet lil ommha tifflaxxja brimba fit-toilet. Huwa se jippubblika l-ktieb biex tibqa' memorja tat-tnejn li huma.

    “It-tip ta' tumur li għandha Lucy huwa l-agħar wieħed li jista' jaffettwa lit-tfal. Se jaffettwalha l-viżta, in-nifs u anke l-movimenti. Ftit ftit jieħu kontroll ta' moħħha sal-punt li għalkemm tibqa' konxja ġisimha jitlef is-saħħa”.

    Il-missier beda jfittex għal xi kura alternattiva u sab tama fi trattament privat. Huwa u qraba oħra waqqfu paġna fuq l-internet għal min irid jagħti donazzjoni u f'temp ta' 72 siegħa rnexxielhom jiġbru £50,000 mit-£300,000 li jeħtieġu.

    Il-missier mhux biss huwa grat għal dawn id-donaturi imma anke espert Amerikan li ikkuntattjahom biex jippruvaw il-kura fl-Istati Uniti.

    Joe jgħid li għalkemm saħħet bintu qed tisparixxi bil-mod il-mod hija baqgħet bit-tbissima fuq wiċċha u huwa ma jridx jibda jibkiha minn issa.

    “Li taf li tista' titlef lil bintek b'dan il-mod huwa l-ikbar uġiegħ li qatt tista' timmaġina”, isostni Joe.

    Ir-raġel jgħid li l-familja tiegħu kellha tgħaddi minn trawma wara oħra u jixtieq li jagħmlu ftit tas-snin ħielsa minn waħda.

    Fl-istess waqt huwa determinat li jagħmel dak kollu li jista' biex ifejjaqha. Bir-raġġi t-tifla tista' tgħix sa disa' xhur imma jekk ma teħodhomx aktarx li tmut qabel.

    Joe jgħid li huwa determinat li jibqa' pożittiv bħal bintu li għalkemm taf li għandha kanċer għadha ma tafx id-destin li hemm jistenniha.

    “Se nibqa' niġġieled għat-tfal. Huma tfal ferħanin u Lucy bħal ommha, dejjem tidħak”.

    Il-missier isostni li ma kellux ċans jiġġieled biex isalva ħajjet martu imma se jagħmel minn kollox biex jipprova jsalva dik ta' bintu l-kbira.