Waterpolo: Premier K/O: San Ġiljan fil-finali

    Ritratt: Christine Borg

    San Ġiljan ……..…..11 

    Neptunes   ………….4 

    (3-1, 3-1, 4-1, 1-1)

    San Ġiljan kisbu rebħa oħra faċli fuq il-ġirien tagħhom Neptunes,  fejn reġgħu umiljawhom bl-iskor kbir ta’ 11-4 biex b’hekk ikkwalifikaw għall-finali tan-Knockout tal-Premier. 

    Kif kien mistenni San Ġiljan ħarġu tajjeb u fetħu vantaġġ ta’  żewġ goals minn  Aleksandar Ivovic u Dino Zammit. 

    Iżda Neptunes naqqsu d-distakk minn sitwazzjoni ta’ man-up fejn skorja Jordan Camilleri iżda lejn l-aħħar tas-sessjoni kien Ivovic li reġa’ stabilixxa żewġ goals vantaġġ. 

    Fit-tieni sessjoni, San Ġiljan komplew ikabbru l-vantaġġ b’mod regolari b’goals minn Peter Borg, Ivovic u Ben Plumpton b’Nep­tunes jiskurjaw permezz ta’ Miguel Zammit fl-aħħar tas-sessjoni. 

    B’hekk f’nofs il-partita, il-vantaġġ kien diġá tela’ għall-erba’ goals. 

    San Ġiljan komplew ikab­bru l-iskor fit-tielet sessjoni fejn rebħuha 4-1 bil-konsegwenza li għalqu l-partita. Dino Zammit, Paul Fava u żewġ goals ta’ Aleksandar Ivovic tefgħu lill-Ġiljanizi 10-2 minn fuq sakemm Steve Camilleri naqqas id-distakk lejn l-aħħar tas-sessjoni.

    Ir-raba’ sessjoni kienet kwieta bir-riżultat diġà deċiż bl-uniku goal għal Neptunes jasal minn Romain Blary b’San Ġiljan jirrispondu b’penalty minn Ivovic għal skor finali ta’ 11-4. 

    San Giljan: Jake Tanti, Peter Borg (1), Andreas Galea, Tristan Said, Joseph Galea (1), Matthew Zammit, Ben Plumpton (1), Darren Zammit, Aleksandar Ivovic (5), Aurelian Cousin, Paul Fava (1), Dino Zammit (2) Thomas Micallef - Coach: Marko Orlovic

    Neptunes: Alan Borg Cole, N Lanzon, Timothy Agius, Ken Erdogan, Romain Blary (1), Sean Gravina, Steve Camilleri (1), Jordan Camilleri (1), Jeremy Abela, Miguel Zammit (1), Nicolaj Zammit, Matthias Azzopardi, Ian Bugeja - Coach: Zoran Maslovar

    Referees: Peter Balzan, Da­niele Bianco