Il-Ministru Owen Bonnici jżur attività organizzata minn Fondazzjoni Wirt Artna fl-okkażjoni tal-75 sena mill-Konvoj ta’ Santa Marija

    Attivitajiet storiċi ta’ re-enactment jgħinu biex nedukaw ruħna u lill-ġenerazzjonijiet futuri dwar l-istorja ta’ pajjiżna b’mod interattiv biex b’hekk jissarrfu f’esperjenza edukattiva ta’ kwalità, qal il-Ministru Owen Bonnici waqt żjara f’Lascaris War Rooms, f’attività organizzata minn Fondazzjoni Wirt Artna fl-okkażjoni tal-75 anniversarju mill-Operazzjoni Pedestal tal-Konvoj ta’ Santa Marija.

    Il-Ministru Bonnici spjega li l-Konvoj ta’ Santa Marija jilgħab parti importanti fl-istorja ta’ pajjiżna għax bis-saħħa tiegħu l-poplu Malti salva milli jmut bil-ġuħ. Il-Ministru saħaq dwar l-importanza li nieħdu ħsieb l-istorja ta’ pajjiżna billi nippreservaw postijiet storiċi u permezz ta’ attivitajiet bħal dawn li jfakkru avvenimenti importanti fl-istorja ta’ Malta.

    Il-Ministru Bonnici faħħar lil Fondazzjoni Wirt Artna għal din l-inizjattiva u rringrazzjaha tal-ħidma kontinwa tagħha biex iżżomm l-istorja ta’ pajjiżna ħajja. Il-Ministru żied iħeġġeġ lill-pubbliku biex jattendi bi ħġaru għal dawn l-attivitajiet kulturali.

    Din l-attività se tibqa’ għaddejja sal-Ħadd 13 ta’ Awwissu b’re-enactment show kull siegħa bejn il-11 ta’ filgħodu u t-3 ta’ waranofsinhar.