Jasal il-vaċċin kontra l-Hepatitis A u B għall-uffiċjali korrettivi wara intervent mill-GWU

    Wara li f’Ġunju li għadda ġie elett il-kumitat għall-uffiċjali korrettivi fi ħdan il-GWU, mill-ewwel bdiet ħidma permezz ta’ diversi laqgħat bejn il-membri eletti. Fost is-suġġetti fuq l-aġenda kien hemm il-bzonn li jibdew malajr kemm jista’ jkun negozjati għall-ftehim settorjali, fil-fatt diġa hemm ammont sostanzjali ta’ proposti u diġa qegħdin fi stadju avvanzat. Minkejja li l-kumitat ġie mwaqqaf riċentament sar ħafna xogħol u issa qegħdin fil-fażi li jintlaqgħu aktar suġġerimenti mill-membri qabel jiġi finalizzat id-dokument. 

    Ġew diskussi wkoll diversi diffikultajiet li jgħaddu minnhom regolarment l-uffiċjali korrettivi, fost l-aktar nuqqasijiet preookupanti kienet li diversi uffiċjali kienu għadhom lanqas ħadu l-vaċċin tal-Hepatitis B kif inhuma ntitolati jieħdu għax qalulhom li hija out of stock. L-unjin minnufih għamlet kuntatt mal-amministrazzjoni tal-faċilità sabiex tivverifika li huwa minnu li l-vaċċin huwa out of stock u wara li kellha tali verifika bdiet ħidma mal-awtoritajiet neċessarji biex din il-kwistjoni tissolva malajr kemm jista’ jkun.

    L-unjin sabet koperazzjoni sħiħa fuq din il-kwistjoni, kemm mill-amministrazzjoni tal-Faċilita’ Korrettiva li kienet ilha tirsisti biex tali vaċċin jaslu, kif ukoll mill-Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali u l-Ministeru tas-saħħa. Il-Ġimgħa wara nofsinhar f’komunikat li d-Deputat Direttur għamlet mal-unjin ikkomfermat li waslet il-vaċċin kontra l-Hepatitis A u l-Hepatitis B. F’korrispondenza li l-Assistent Segretarju responsabbli mill-Korpi dixxiplinati fi ħdan il-GWU Theo Vella għamel mal-amministrazzjoni, wera l-apprezzament tal-koperazzjoni li sabet l-unjin f’din il-kwistjoni u qal li jħares ‘il quddiem biex flimkien ikomplu jaħdmu biex itejbu l-kundizzjonijiet tal-uffiċjali korrettivi fi ħdan il-Faċilità.