RITRATTI: Ritratti satellitari juru li l-Korea ta' Fuq qed tipprepara biex tispara missila minn sottomarin

    Il-Korea ta’ Fuq jaf qed tipprepara biex twettaq test b’missili permezz ta’ sottomarin. Dan bi sfida ċara għat-tentattivi tal-President Amerikan Donald Trump li jirnexxilu jwaqqaf il-pjani nukleari ta’ Pyongyang.

    Ritratti satellitari li ttieħdu nhar it-Tnejn li għadda juru attività f’sit fejn jiżvolġu testijiet, simili għal dik li ppreċediet it-test tal-missila ballistika li ġiet sparata minn sottomarin f’Awwissu tas-sena li għaddiet. Dawn ir-ritratti satellitari ġew ippubblikati wara li l-President Amerikan Donald Trump qal li l-Istati Uniti għandha l-armi tagħha għal-lest f’każ li Kim Jong-un b’xi mod jhedded lill-Istati Uniti.

    Il-missila tat-tip Pukguksong-1 li ġiet sparata fl-24 ta’ Awwissu tas-sena li għaddiet ivvjaġġat id-distanza ta’ madwar 500 kilometru fid-direzzjoni tal-Ġappun, bil-mexxej tal-Korea ta’ Fuq Kim Jong-un dakinhar ukoll jisħaq li kapaċi jattakki lill-Istati Uniti permezz ta’ sottomarin fil-Paċifiku.

    S’issa Trump għadu ma indikax x’inhu l-limitu li ma jridx li jinqabeż mill-Korea ta’ Fuq. Lanqas ma qal jekk test ieħor mill-Korea ta’ Fuq se jkunx qed jikkostitwixxi raġuni valida għal intervent militari.