Il-GWU tikseb ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema tal-Cardinal Health

    Il-General Workers’ Union f’dawn il-jiem iffirmat ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema tal-Cardinal Health, waħda mill-kumpaniji ewlenin fis-settur tal-farmaċewtika f’Malta. Permezz ta’ dan il-ftehim kollettiv, il-ħaddiema se jibdew igawdu minn titjib fil-kundizzjonijiet tal-impjieg taghhom.

    Is-Segretarju tat-Taqsima Kimika u Enerġija tal-GWU Rita Dimech qalet li: “Il-ħaddiema tul dawn l-aħħar snin urew li huma kapaċi li jilqgħu l-isfidi li jiġu quddiemhom u jaħdmu biex jdawru dawn l-istess sfidi f’suċċess għall-kumpanija.”

    Min-naħa tiegħu d-Director of Manufacturing David Schembri qal li dan il-ftehim kollettiv kompla jibni fuq il-kundizzjonijiet tajba diġà eżistenti fil-ftehim preċedenti u qed jiggarantixxi li dawn il-kundizzjonijiet ikomplu jissaħħu għas-snin li ġejjin. Huwa rringrazzja lis-Segretarju tat-Taqsima Rita Dimech u lir-rappreżentanti tal-ħaddiema għall-mod kif tmexxew u saru n-negozjati.

    Il-ftehim kollettiv kien iffirmat f’isem il-ħaddiema mis-Segretarju tat-Taqsima Kimika u Enerġija Rita Dimech, filwaqt li f’isem il-kumpanija ffirma d-Director of Manufacturing David Schembri. Preżenti għall-iffirmar kien hemm ukoll ix-Shopsteward Jonathan Farrugia, il-Financial Controller tal-Kumpnanija James Galdes kif ukoll il-Human Resources Manager Allan Lia.