“It-terroristi lesti li jwettqu attakki fl-istadiums” … It-timijiet tal-futbol Ingliżi bi twissija hekk kif jibda s-season il-ġdid

    It-theddida ta’ tixrid ta’ demm innoċenti kaġun ta’ attakki terroristiċi reġgħet xirfet rasha, bl-awtoritajiet Ingliżi jwissu lit-timijiet tal-futbol biex joqogħdu b’għajnejhom miftuħin għal dak kollu li jista jinqala’ hekk kif terroristi qegħdin jippreparaw biex jattakkaw diversi stadiums.

    Uffiċjali ta’ kontra t-terroriżmu qegħdin iħeġġu lit-timijiet tal-futbol biex iwissu lill-partitarji tagħhom dwar it-theddida ta’ sigurtà, madankollu fl-istess waqt insistew li m’hemm l-ebda informazzjoni speċifika li tindika li t-theddida ta’ attakk terroristiku żdiedet.

    Is-Supretendent Dave Roney saħaq li “għalkemm m’għandna l-ebda tagħrif dwar theddida ta’ attakki fuq stadiums fir-Renju Unit, rajna li t-terroristi huma lesti li jwettqu attakki ta’ din ix-xorta”. Din it-twissija saret wara li matul din is-sena biss ir-Renju Unit safa vittma ta’ erba’ attakki terroristiċi, fosthom attakk suwiċida fil-Manchester Arena li ħalla 22 persuna mejtin filwaqt li 59 persuna oħra sfaw midrubin.