“Malta mmexxija minn sangisugi … mhux se nikkontesta għat-tmexxija tal-PD” - Marlene Farrugia

    Id-Deputata Parlamentari Marlene Farrugia għadha kif iddikjarat fuq is-sit soċjali tagħha li mhix se tikkontesta għat-tmexxija tal-Partit Demokratika. Hi ddikjarat li Malta hi mmexxija minn sangisugi.

    Hi kitbet li “llejla bejn it-8.00 p.m. u l-10.30 p.m. , aħna tal-Oranġjo għandna get together it-Torri tal-Kaptan, Triq it-Torri, Qrendi. Dawk li jixtiequ jivvutaw għat-tmexxija u l-Uffiċjali l-ġodda tal-Partit Demokratiku, meta ssir l-AGM f' Ottubru, jeħtieġ jidħlu membri u jattendu tal-inqas tnejn mit-tlett get togethers li se isiru bejn issa u l-AGM f' Ottubru.

    “Il-Partit Demokratiku hu għodda biex inservu lil pajjiżna. Min lest li jagħti kontribut billi jibni f'dan il-Partit ġdid , speċjalment f'dawn iż-żminijiet imwiegħra għax-xena politka Maltija, nappellalu biex jersaq ġej mnejn ġej. It-tmexxija tal-PD tintagħżel mill-membri kollha eliġibbli li jivvutaw. Malta u Għawdex għandhom bżonnkom, għax spiċċaw mmexxija mis-sangisugi. Jien nibqa' nikkontribwixxi fil-PD , però miniex se nikkontesta għat-tmexxija jew għal karigi oħra. Jien se nikkonċentra fuq sfidi oħra fil-ħajja tiegħi, Nemmen li nies oħra differenti u kapaċi għandhom ikollhom l-ispazju u l-opportunità biex jgħaġnu dan il-Partit f'dak li l-poplu jeħtieġ biex jerġa' jikseb il-fiduċja fil-politka Maltija.”