Mat-3.5 MILJUN applikazzjoni fil-militar tal-Korea ta' Fuq!

    Il-Korea ta’ Fuq irċeviet mat-3.5 milun applikazzjoni minn studenti, ħaddiema u suldati rtirati, biex jingħaqdu fil-militar tal-pajjiż wara li r-reġim ta’ Kim Jong-un ħalef li jirritalja kontra l-Istati Uniti wara li l-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti approva sanzjonijiet ġodda fil-konfront ta’ Pyongyang. Dan kien irrapportat fil-ġurnal “Rodong Sinmun” ippubblikat mill-Partit tal-Ħaddiema tal-Korea ta’ Fuq.

    It-tensjoni fir-reġjun kompliet teskala wara li Pyongyang għamel żewġ testijiet b’missili ballistiċi interkontinetali li permezz tagħhom kapaċi jattakka lill-Istati Uniti. Fir-rigward ta’ dan il-President Amerikan Donald Trump ħareġ twissija oħra fil-konfront tal-Korea ta’ Fuq fejn qal li l-Istati Uniti lesta li tattakka lir-reġim ta’ Kim Jong-un.

    Trump saħansitra wissa lill-Korea ta’ Fuq li se tkun qed tistieden “inkwiet kbir” jekk iseħħ xi inċident fit-territorju Amerikan ta’ Guam.