FITCH ittejjeb ir-rating ta’ Malta minn A għal A+

    L-aġenzija internazzjonali ta’ kreditu Fitch għolliet ir-‘rating’ ta’ Malta minn A għal A+. Hi ddikjarat ukoll li t-tbassir ekonomiku għal Malta hu wieħed stabbli. L-analisti ta’ Fitch jikkummentaw dwar is-surplus li nkiseb u jipprevedu li s-surplus jinżamm.

    Skont huma dan se jkun ta’ 0.5 fil-mija tal-Prodott Domestiku Gross bejn din is-sena u s-sena 2019. Fitch tikkummenta li s-surplus juri titjib fid-dħul mit-taxxi, kif ukoll tnaqqis f’infieq mhux neċessarju. Fitch titkellem ukoll dwar l-investiment u tgħid li l-investiment f’pajjiżna se jkompli jiżdied. Jikkummentaw ukoll dwar id-dejn u jgħidu li dan se jonqos għal 50 fil-mija tal-Prodott Domestiku Gross sas-sena 2019.