FILMAT: “Malta latrina” … Kritika iebsa minn Frank Portelli dwar l-għibien tal-Whistleblower Russa minn pajjiżna

    “Malta latrina”. Hekk saħaq Frank Portelli, wieħed mill-erba’ kandidati li tefa’ n-nomina tiegħu biex jinħatar bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista fl-elezzjoni li se tkun qed tiżvolġi fil-ġimgħat li ġejjin.

    Portelli għamel din il-kritika iebsa wara li l-whistleblower Russa, Maria Efemova, li fil-ġimgħat ta’ qabel l-aħħar elezzoni ġenerali għamlet bosta allegazzjonijiet fir-rigward tal-familja tal-Prim Ministru b’konnessjoni mal-iskandlu Egrant, kienet rapportata li għebet u huwa maħsub li telqet minn Malta.

    Fil-kumment tiegħu Portelli saħaq li huwa inkonċepibbli kif din il-persuna li għamlet akkużi daqstant serji, u li mhux biss kellha l-passaport tagħha miżmum biex ma tkunx tista’ taħrab minn pajjiżna, iżda tpoġġiet taħt bail, eventwalment jidher li għebet, għalkemm mhux magħruf kif.

    “Ħarbet bi speedboat? Ħarrbitha l-ambaxxata Russa? Din xi spija Russa? Kienet xi mara kriminali?” kompla jistaqsi Portelli.

    Dan il-każ, kompla jgħid il-kandidat prospettiv għat-tmexxija tal-PN, qal li dan juri li l-awtoritajiet m’għandhom l-ebda kontroll fuq il-fruntieri ta’ pajjiżna u kulħadd jista’ jidħol u joħroġ kif irid.