Raġel imut, u oħrajn jindarbu, f'ħabta head-on bejn ambulanza u karozza fix-Xemxija

     

    Inċident traġiku fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu bejn ambulanza u karozza fix-Xemxija wassal biex raġel jitlef ħajtu filwaqt li żewġ persuni oħrajn sofrew ġrieħi gravi. L-aċċident seħħ għall-ħabta tas-1.20 a.m.

    L-ambulanza kienet qed tinstaq minn paramediku Taljan ta’ 55 sena li joqgħod il-Mosta, u kienet involuta f’ħabta head-on ma’ karizza tat-tip Daihatsu Sirion misjuqa minn raġel ta’ nazzjonalità Ingliża.

    Fil-karozza misjuqa mill-Ingliż kien hemm ukoll tliet passiġġieri oħrajn. Huwa mifhum li l-vittma kien passiġġier fil-karozza.

    Persuni oħrajn li kienu fl-ambulanza wkoll indarbu f’dan l-inċident. Mara ta’ 51 sena mill-Imġarr sofriet ġrieħi gravi filwaqt li mara oħra ta’ 38 sena minn San Pawl il-Baħar sofriet ġrieħi ħfief.

    Fil-ħin tal-inċident kien hemm ukoll mara ta’ 89 sena u raġel ta’ 43 sena, it-tnejn li huma mill-Mellieħa, madankollu għadu mhux magħruf jekk ġarrbux xi ġrieħi.

    Il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras ordnat inkjesta dwar l-inċident u ħatret bosta esperti biex jgħinuha fl-investigazzjoni.