Kjarifika mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali

    Permezz ta' stqarrija maħruġa mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, qed issir referenza għal dak li ġie rappurtat dalgħodu f’ċerti sezzjonijiet tal-media stampata u elettronika fejn ġie allegat li grupp ta’ ħamsa minn nies ta’ nazzjonalità barranija li kienu akkużati bi tmienja u għoxrin (28) serqa ‘għebu’ minn dawn il-gżejjer wara li l-Avukat Ġenerali insista li dawn kellhom jingħataw il-libertà provviżorja.

    Illi l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali jiddikjara li l-fatti kif jirriżultaw bl-iswed fuq l-abjad mill-atti proċesswali huma dijatrikament l-oppost ta’ dak illi ġie rappurtat dalgħodu. L-Avukat Ġenerali invarjabbilment oppona bil-qawwa għal kull talba għall-ħelsien mill-arrest li saret mill-persuni li ssir referenza għalihom. L-aħħar minn dawn is-serje ta’ talbiet saret nhar il-15 ta’ Mejju 2017, fejn, minkejja li kienu għaddew għoxrin xahar mid-data tal-arrest, l-Avukat Ġenerali oppona bil-qawwa li dawn jingħataw il-libertà provviżorja, u dan minħabba numru kbir ta’ raġunijiet li ġew elenkati fid-dettall fir-risposta tiegħu lill-Qorti Kriminali.

    Illi permezz ta’ Digriet tas-17 ta’ Mejju 2017, l-Onorabbli Qorti Kriminali akkordat il-ħelsien mill-arrest lil dawn il-persuni, taħt diversi kundizzjonijiet (fosthom li jiffirmaw l-Għassa tal-Pulizija darbtejn kuljum), u imponietilhom ukoll garanzija personali ta’ €30,000 kull wieħed. Fil-każ ta’ persuna minnhom l-iffirmar ġewwa l-Għassa ġie ridott mill-Qorti tal-Maġistrati minn darbtejn kuljum għal darba kuljum minħabba li din il-persuna kien għadu kemm kellha tarbija.

    Illi fis-seduta tal-31 ta’ Lulju 2017, il-Pulizija infurmaw lill-Qorti li l-akkużati x’aktarx li kienu ħarbu minn Malta u li l-aħħar darba li ffirmaw ġewwa l-Għassa kien fl-20 ta’ Lulju 2017.

    Illi finalment l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, filwaqt li jafferma s-sostenn sħiħ tiegħu għad-dritt tal-media li tikkummenta u tikkritika u filwaqt li jifhem l-entużjażmu tal-media biex tfittex lis-scoop ġurnalistiku, jissolleċita lill-membri tal-professjoni ġurnalistika sabiex qabel ma jippubblikaw materjal li jista’ jallarma lill-poplu in ġenerali jew jitfa’ dell mhux mistħoqq fuq xi istituzzjoni, almenu jivverifikaw il-fatti qabel. Dan wisq iżjed meta jkunu se jiġu ppubblikati allegazzjonijiet strambi u li qatt ma nstemgħu bħalhom bħalma hija l-allegazzjoni f’dan il-każ li l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali insista li l-persuni konċernati joħorġu mill-ħabs bil-libertà provviżorja.