20,000 kannizzata għall-istaġun tal-lampuki

    Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali ngħaqad mas-sajjieda Xlukkajri għat-tberik tad-dgħajjes fil-ftuħ tal-istaġun tal-lampuki li jibda’ nhar it-Tlieta 15 t’Awwissu u jwassal sal-31 ta’ Diċembru.

    Il-Ġimgħa, ’il fuq minn għoxrin elf kannizzata se jkunu ppreparati mis-sajjieda Maltin u Għawdxin sabiex nhar it-Tlieta jinbeda l-istaġun tal-lampuki. Din is-sena, l-istaġun huwa magħmul minn 113-il rimja imqassmin madwar Malta u Għawdex, fejn l-aktar frekwentati huma Marsaxlokk, Marsaskala, San Pawl il-Baħar u x-Xlendi Għawdex. Tul is-sena li għaddiet, l-bejgħ tal-lampuki laħaq il-€1.4 miljun.

    Clint Camilleri saħaq li se jimpenja ruħu sabiex ikun qrib kull sajjied li jinsab f’dan is-settur irregolat minn bosta liġijiet stretti, u jara li jiffaċilita ħidmiethom. Tenna li se jara li tiġi implimentata malajr kemm jista’ jkun it-tneħħiha tat-taxxa ta’ 3% fuq id-dħul tas-sajjieda. Apparti minn hekk qed jaħdem sabiex iwassal għat-twettieq ta’ diversi proġetti infrastrutturali għall-benefiċċju tas-sajjieda, fosthom il-breakwater u diversi slipways f’Marsaxlokk u madwar Għawdex sabiex jiżdied l-aċċess għall-baħar.

    Id-Direttur Ġenerali tas-Sajd u Akwakultura Dr Andreina Fenech Farrugia tenniet li l-liċenzja tas-sajd għal-lampuki, apparti tati privileġġ, twassal għal diversi obbligi importanti li jridu jiġu mwettqa sabiex nipproteġu s-settur. Huwa essenzjali li sajjied jinforma lid-Direttorat meta jkunu se jidħlu lura l-port sabiex iħottu u jiddikjaraw il-qabda tagħhom quddiem uffiċjali tad-Direttorat.