Ikkundannati aktar atti vandali f’San Pawl il-Baħar

    Matul l-aħħar jiem, reġgħu sar numru ta’ atti vandali fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar.

    Fost dawn l-atti, wieħed jista’ jinnota ħsarat li saru fil-latrini pubbliċi li hemm fi Triq San Ġeraldu biswit Sirens Aquatic Pitch. Fost il-vandaliżmu li seħħ hemm diversi graffiti u tkissru bosta oġġeti sanitarji.

    Numru ta’ pjanti li inżergħu f’diversi żoni tal-istess lokalità, ġew maqlugħa u misruqa f’inqas minn 24 siegħa. 

    F’isem il-Kunsill Lokali, is-Sindku ta’ din il-lokalità tikkundanna dawn l-atti waqt li qed tappella lill-pubbliku sabiex kull min ra xi ħaġa jew għandu xi informazzjoni, iressaq dawn ir-rapporti quddiem l-awtoritajiet neċessarji anke bl-aktar mod kunfidenzjali, sabiex jinqabad min għamel dawn l-atti.

    Intant, is-Sindku tinforma lill-pubbliku ukoll li dawn il-ħsarat ser ikunu qed jissewwe mill-aktar fis. “Hija ħassra li dawn il-ħsarat ikollok jissewwew mill-fondi pubbliċi, minflok l-istess fondi jintużaw sabiex isiru proġetti u xogħlijiet oħra fil-lokalità” temmen tgħid is-Sindku Graziella Galea permezz ta’ stqarrija.