Tmien xhur ħabs talli ħarab lill-pulizija

    Karkariż ta' 20 sena kien ikkundannat tmien xhur ħabs wara li ħarab lill-pulizija meta marru jarrestawh.

    Leon Borg kien mixli quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja li kkaġuna ġrieħi gravi f'widna ta' mara wara li taha daqqa. Huwa kien tressaq fil-Qorti tal-Maġistrat fis-27 ta' Diċembru li għaddu dwar il-każ li seħħ jumejn qabel jiġifieri fil-Milied.

    Borg kien ingħata l-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet fosthom li kull nhar ta' Tnejn u Ħamis jiffirma l-għassa tal-Qawra u li jkun ġo dar ommu,  fil-Qawra stess.

    Madankollu ġara li huwa bidel l-indirizz fejn joqgħod mingħajr ma nforma lill-Pulizija u naqas li jattendi l-Qorti mingħajr ma avżaha.

    Fit-18 ta' Ġunju l-pulizija marru biex jarrestawh imma ħarbilhom sakemm inqabad u tressaq fil-Qorti mixli li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest u li ħarab. 

    Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit sabitu ħati u minbarra li ikkundannatu tmien xhur ħabs ordnat il-konfiska tal-€11,000 garanzija personali li kienet parti mill-kundizzjonijiet li bihom inħeles mill-arrest.