Maġistrat tara lok għal investigazzjoni fuq avukat

    Il-Maġistrat Doreen Clarke talbet lill-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja biex tinvestiga lill-Avukat Noel Bianco ħalli tistabilixxi jekk dan ta x'jifhem lil klijent tiegħu li l-eks-mara tiegħu kienet fi ftehim mal-awtoritajiet biex jiġi estradit lejn Malta ħalli jiffaċċja akkużi fuq frodi.

    Christian Demanuele kien bagħat ittra lill-President Marie-Louise Coleiro Preca fejn għamel diversi allegazzjonijiet fuq il-Maġistrat Carol Peralta (illum irtirat), il-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera u d-Deputat Avukat Ġenerali Donatella Frendo Dimech (illum maġistrat).

    Madankollu mill-investigazzjoni tal-Pulizija l-allegazzjonijiet ma rriżultawxu Demanuele kien mixli b'rapport falz għalkemm ma nstabx ħati bil-Maġistrat Clarke tgħid li huwa ma kellux il-ħsieb li jagħmel xi ħaġa ħażina imma kien żgwidat.

    Fl-istess waqt hija iddeċidiet li l-avukat tiegħu kellu jiġi investigat mill-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja biex jiġi stabbilit jekk kienx bl-għemil tiegħu li saħħaħ il-fehma ta' Demanuele li kien hemm xi kumplott kontrih.