Skema li se tgħin fl-akkomodazzjoni soċjali

    Permezz tal-iskema tal-kiri, li ġiet imnedija dalgħodu mill-Gvern, l-Awtorità tad-Djar se tkun qed tirċievi offerti mingħand sidien ta’ proprjetajiet residenzjali vakanti biex jikruha lill-istess Awtorità biex jintużaw għall-għanijiet ta’ akkomodazzjoni soċjali. 

    L-iskop ta’ din l-iskema huwa li tinkoraġixxi sidien privati ta’ proprjetà residenzjali vakanti u lesta b’kamra tas-sodda waħda, tnejn jew tlieta biex jidħlu f’kuntratt ta’ kera mal-Awtorità tad-Djar għall-perjodu ta’ 10 snin. 

    Id-dettalji dwar din l-iskema ngħataw waqt konferenza stampa mis-Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes.

    Is-Segretarju Parlamentari Galdes qal li sid ta’ proprjetà residenzjali li tkun lesta minn kollox jew ġebel u saqaf u mibnija skont ir-regolamenti tal-bini u l-permessi għall-ippjanar huwa eleġibbli biex japplika għal din l-iskema. Eleġibbli wkoll se jkunu proprjetajiet li qed jiġu offruti fuq pjan u li diġà għandhom permess tal-iżvilupp. 

    Postijiet ġebel u saqaf u fuq il-pjan għandhom jiġu mgħoddija lill-Awtorità lesti minn kollox. 

    Is-Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali qal li qed tingħata prijorità lil dawn il-binjiet jew blokok ta’ appartamenti li għandhom l-aċċessibilità neċessarja u li huma mgħammra b’lifts. 

    Min-naħa tagħha, l-Awtorità qed tikkommetti ruħha li tiżgura li meta jiskadi l-ftehim ta’ kiri, il-proprjetà tiġi rritornata lill-applikant fi stat tajjeb ta’ tiswija u kif ukoll li tħallas il-kirja lill-istess applikant kull sitt xhur bil-quddiem permezz ta’ kreditu dirett. 

    L-Awtorità timpenja ruħha wkoll li tiżgura li l-użu tal-proprjetà jkun dak ta’ residenza ordinarja għal skopijiet ta’ akkomodazzjoni soċjali u li tiggarantixxi li l-applikant magħżul ikun eżentat mit-taxxa dovuta fuq id-dħul mill-kiri fuq il-proprjetà mikrija taħt din l-iskema. 

    Is-Segretarju Parlamentari Galdes qal ukoll li se jkun maħtur panel indipendenti biex jevalwa l-offerti u jagħżel dawk il-proprjetajiet li joffru l-aħjar valur għall-flus u jissodisfaw il-bżonnijiet tal-klijent tal-Awotorità. 

    Għal aktar tagħrif dwar din l-iskema wieħed jista’ jżur is-sit www.housingauthority.gov.mt. L-offerti se jkunu qed jintlaqgħu mill-1 ta’ Settembru li ġej.