AĠĠORNAT: Jittieħdu passi... Marsin jilmentaw minn inkonvenjent fuq bankina

    Aġġornat: Ftit siegħat qabel kien irrappurtat dan l-artiklu fuq il-midja tagħna, Enemalta kienet ħadet il-passi neċessarji sabiex jonqos immedjatament l-inkonvenjent għall-pubbliku, kif jixhed ir-ritratt. 

    Aktar qabel: Residenti li joqgħod fi Triq is-Salib fil-Marsa lmentaw minn inkonvenjent li qed joħolqilhom ix-xogħol fuq il-mina li qed titħaffer bejn il-power station l-antika u Santa Venera.

    L-inkonvenjent inħoloq hekk kif madwar sena ilu tħaffret toqba kbira fil-bankina biex minnha jgħaddu kemm l-arja għall-mina kif ukoll materjal li qed jintuża fix-xogħol.

    It-toqba ġiet imdawwra minn ħajt tal-metall bħala sigurta imma dan wassal biex min ikun għaddej fuq il-bankina jkollu jinżel taħtha.

    Il-problema hija li minħabba n-numru ta' vetturi kummerċjali li jieqfu fil-post dawk li jkunu għaddejjin ikollhom jispiċċaw joħorġu fit-triq biex ikomplu mexjin fid-direzzjoni li jridu jmorru.

    Resident partikolari lmenta magħna li għalkemm jifhem li x-xogħol irid isir madankollu seta twaħħal sprall biex il-persuni jkunu jistgħu jibqgħu għaddejjin.

    Huwa semmilna kif minn din it-triq jgħaddu bosta anzjani biex imorru l-bank u kien hemm xufiera ta' vetturi li spiċċaw irrabjati għax ħarġu fit-triq biex ikomplu mexjin.

    L-istess resident ilmenta wkoll li d-dwal fl-istess triq ilu maqtugħ minn żmien il-festa, jiġifieri madwar xahrejn, u wera t-tħassib tiegħu li qed jagħmel il-post inqas sikur. Huwa sostna li bil-lejl dejjem ikun hemm ġlied bejn immigranti u l-post qed jattira anke l-prostituti.

    inewsmalta.com ikkuntattjat lill-Enemalta dwar dawn iż-żewġ ilmenti fejn kelliem għall-kumpanija qalilna li fir-rigward tal-bokka kienu se jsiru barrikati madwar il-ħajt tal-metall biex in-nies ikunu jistgħu jibqgħu mexjin bla ma jinżlu fuq il-bankina.

    Dwar in-nuqqas ta' dawl, l-istess kelliem qalilna li s-servizz jaqa' taħt il-kunsill lokali madankollu rrimarkalna li sa fejn jaf hu l-istess kunsill kien qed jistenna xi permessi biex ikun jista' jagħmel ix-xogħlijiet meħtieġa.