Ħtieġa għall-bidla fil-mod kif jinġabar l-iskart fil-Belt Valletta

    Is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista jisħaq li ż-żieda fl-attività kummerċjali fil-Belt Valletta ħolqot il-bżonn li jgħolew l-istandards fil-ġbir ta’ skart flimkien ma’ infurzar adegwat

    It-tkabbir ekonomiku li qed jesperjenza pajjiżna ħalla effett dirett fuq l-attività kummerċjali li qed ikun hemm fil-Belt Valletta, liema effett ħoloq problemi f’dak li huwa ġbir ta’ skart fl-istess belt. Din il-problema hija waħda li diversi persuni, inkluż residenti, qed jesperjenzaw ta’ kuljum fit-toroq tal-Belt Valletta u għaldaqstant il-Gvern qed jipproponi sistemi ġodda biex jegħleb din il-problema li kibret tul is-snin.

    Dan sostnieh is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u Valletta 2018, Deo Debattista, meta mistoqsi minn dan il-ġurnal dwar it-talba li għamlet il-GRTU biex jinbidel il-mod ta’ kif jinġabar l-iskart fil-Belt Valletta.

    “It-tkabbir ekonomiku li qed jikseb pajjiżna affettwa wkoll lill-BElt Valletta hekk kif illum il-ġurnata l-belt kapitali tagħna qed tkun mimlija bin-nies. Fil-passat, mas-7.00p.m. il-Belt kienet tkun vojta, iżda llum il-ġurnata l-attività kummerċjali fl-istess lokalità splodiet ‘il fuq. Wieħed mill-fatturi għal dan kienet iż-żieda li ksibna fit-turisti, bil-Belt Valletta hija waħda mid-destinazzjonijiet prinċipali tagħhom. Tajjeb li nirrimarka li huwa fatt magħruf li t-turisti jipproduċu ammont ta’ skart li huwa d-doppju ta’ dak li jipproduċu ċ-ċittadini Maltin, u dan fih innifsu diġà huwa problema.

    “Fil-preżent ninsabu ffaċċjati b’sitwazzjoni fejn l-iskart jinġabar mingħajr ebda regoli, fejn l-istabbilimenti li jinsabu fil-Belt Valletta joħorġu l-iskart fi x’ħin iridu huma, filwaqt li l-kuntratturi jiġbruh kemm matul il-ġurnata u anki bil-lejl. Dan qed joħloq inkonvenjent lil kull min jirfes il-Belt Valletta,” sostna Debattista.

    Is-Segretarju Parlamentari saħaq fuq il-bżonn li pajjiżna jgħolli l-istandards tiegħu f’dak li huwa ġbir ta’ skart. “Ma nistgħux nibqgħu bil-mentalità li kuntrattur jingħata kuntratt biex jiġbor l-iskart għas-sempliċi raġuni li jkollu l-irħas prezz. Irridu nistabilixxu l-istandards meħtieġa biex dan il-ġbir ikunu wieħed adegwat għaż-żminijiet tal-lum kif ukoll għall-ħtiġijiet tal-pajjiż. Nemmen li hemm bżonn li jiżdied l-ammont ta’ riżorsi umani, il-vetturi u l-aċċessorji jkunu adegwati għal ħtiġijiet tal-Belt Valletta u mhux ikollna vetturi kbar li jagħmlu ħsejjes fis-satra tal-lejl. Fl-istess waqt hemm bżonn eżerċizzju ta’ infurzar biex kulħadd isir konxju li l-iskart huwa problemi li qed niffaċċjaw u li jekk ma nindirizzawhiex, se tkompli tikber sena wara sena,” saħaq Debattista.

    Mistoqsi fuq ħinijiet li huwa jaħseb li huma ideali biex matulhom jinġabar l-iskart fil-Belt Valletta, Debattista sostna li l-opinjoni tiegħu hija li l-iskart jinġabar bejn l-4.00 p.m. u l-5.00 p.m. kif ukoll bejn is-2.00 a.m. u l-4.00 a.m. “Fl-istess waqt, hemm bżonn li kull kuntrattur li jiġbor l-iskart fil-Belt Valletta jkollu vetturi żgħar li meta jiġbru l-iskart ma jħallux xi forma ta’ debris mal-art jew inkella joħolqu l-ħsejjes.”

    Mistoqsi meta huwa possibbli li dan jibda iseħħ fil-prattika, is-Segretarju Parlamentari saħaq li se jsir studju pilota biex eventwalment dawn il-ħinijiet jitwettqu fil-prattiku minn Jannar tas-sena li ġejja.

    “Flimkien ma’ dan hemm bżonn li nedukaw lill-poplu dwar il-problema tal-iskart. Għaldaqstant, minn Ottubru ta’ din is-sena, se nibdew kampanja edukattiva li permezz tagħha se nwasslu l-messaġġ li huwa mportanti li nieħdu ħsieb l-iskart.

    Min-naħa tiegħu, is-Sindku tal-Belt Valletta, saħaq ma’ L-ORIZZONT li dak mitlub mill-GRTU huwa wieħed pożittiv. “Huwa mportanti li jkollna il-kontribut ta’ kulħadd jekk irridu nsibu soluzzjoni għal din il-problema. Kemm il-Kunsill Lokali kif ukoll il-Gvern qed jonfqu miljuni ta’ Ewro kull sena biex titnaddaf il-Belt Valletta, u għaldaqstant huwa nġust li jkollna min jabbuża billi jħammeġ il-lokalità, speċjalment issa li ninsabu fuq l-għatba ta’ Valletta 2018. Dan l-abbuż għandu jieqaf b’mod immedjat. 

    “Huwa għalhekk li qed naħdmu mill-qrib mas-Segretarju Parlamentari u ma’ Jason Micallef, il-Charmain ta’ V18, biex ikollna belt li hija nadifa. Diġà għaddejna xi suġġerimenti lill-Gvern kif nistgħu negħlbu din il-problema u ninsabu sodisfatti li dawn ġew milqugħa,” saħaq Dingli. 

    Dwar din il-kwistjoni, Il-GRTU qalet li wara konsultazzjoni estensiva mal-membri tagħha, waslu għal fhehim komuni mas-Segretarju Parlamentari Deo Debattista dwar l-problema li hemm il-Belt ta' skart, fejn issa qed jistennew li jkunu nvoluti fl-istadju ta' implimentazzjoni. Dan qed isir hekk kif għandu jinbidel il-mod kif jinġabar l-iskart fil-Belt, billi l-ħinijiet ikunu organizzati  b'mod li jkunu barra ħinijiet prinċipali, kif ukoll bidla fil-kwalita` tal-mod kif jinġabar dan l-iskart hekk kif dan il-fattur iddeterjora mas-snin b'nuqqas ta' prattika.

    Il-GRTU tirrikonoxxi l-problema li hemm bl-iskart fil-Belt Valletta, problema li kemm l-GRTU kif ukoll l-membri fis-setttur tal-ħwienet, ristoranti u ospitalita` fil-Belt Valletta jridu jaraw li tiġi solvuta. Filfatt, dan il-fatt kien diġa tqajjem f'numru ta' okkażjonijiet hekk kif n-negozji jimpurtahom  mill-belt kapitali. Qalu li dawn jagħtu kas mhux biss hekk kif meta jkunu deħlin l-Belt u jkunu ddisgustati bl-iskart li jaraw fit-toroq, imma għax dawn in-negozji jinvestu ġidhom u jaraw ukoll li jtejbu ħajjithom fil-Belt. Barra minn hekk, qalu li skart li jitħalla fit-toroq jagħti stampa kerha lill-Belt Kapitali, anke meta l-V18 qiegħda fil-qrib. Fi stat bħal dan, il-Kapitali titnaqqas mill-attrazzjoni tagħha lill-visitaturi u tnaqqas anke l-valur tal-investiment. Għalkemm is-soluzjoni għal din il-problema mhijiex faċli, hemm soluzzjonijiet li jistgħu jaħdmu, imma jrid jiġi żgurat li ma jerġgħux isiru soluzzjonijiet li ma jsolvux daqshekk din il-problema.

    Il-GRTU kompliet billi qalet li wara li Dr Deo Debattista kien appuntat bħala Segretarju Parlamentari responsabbli mit-tindif, l-affarijeit jidher li ħadu xegħjra differenti, fejn huwa evidenti li x-xogħol se jsire b'mod differenti. Meta kienu mitkellma magħhom l-affarijiet b'konsultazzjoni u biex ikun hemm kooperazjoni tal-komunita` kummerċjali, huma qalu li kienu taw is-sapport kollu tagħhom flimkien, fejn filfatt xi ftit xhur ilu, għamlu stħarriġ bejn l-istabbilimenti u kien irrizulta li 8 minn 91 biss ma kellhomx kuntrattur privat imqabbad. Wara dan, mhux qiegħdin f'pożizzjoni li japprovaw dan li qalulhom, pero` l-informazzjoni li għadhom tidher inkorraġġanti. 

    Qalu ukoll li ma jemmnux li l-problema se tieqaf għal kollox billi jiżgura li l-istabbilimenti ikollhom kuntrattur privat, u huwa mportanti li din il-problema tkun solvutat biss jekk kulħadd jingħaqad u jagħti l-biċċa tiegħu. Hekk kif il-Belt Valletta trid tkun protetta akar minn postijiet oħra, l-GRTU taf b'10 kuntratturi li jidħlu fil-Belt bit-trakkijiet tagħhom f'xi ħin jew ieħor tal-ġurnata.

    Huwa għalhekk li l-GRTU tilqa' l-fatt li din il-problema tkun solvuta b'mod serju, u jwassal biex tiġi stabbilita aġenzija għas-servizzi tal-immaniġjar tal-iskart fil-lokalita'. Barra minn hekk, il-komunita' tan-negozji hija ħerqana li tara dawn il-bidliet isiru bl-aktar mod ħolistiku.