Allegazzjonijiet ta’ abbuż fuq tfal waqt separazzjoni għandhom jiġu eżaminati b’kawtela

    Il-Qorti wissiet li allegazzjonijiet ta’ abbuż fuq tfal li jsir minn ġenitur fil-konfront tal-ġenitur l-ieħor waqt li l-koppja tkun għaddejja minn separazzjoni jew ikun qed jissieltu għal kura u kustodja tagħhom kważi dejjem min-natura tagħhom ikunu suspettużi u għalhekk għandhom jiġu investigati b’kawtela akbar u b’reqqa.

    Dan qalitu f’sentenza fejn illiberat missier minn akkużi simili li dam għaddej proċeduri dwarhom għaxar snin. Il-missier kien mixli li kkorrompa lil bintu ta’ tliet snin u li żammha kontra r-rieda tagħha biex tagħmel jew toqgħod għal xi ħaġa li toffendi l-mistħija tas-sess tagħha. 

    L-allegat inċident li wassal għal dan il-każ kien seħħ f’Marzu tal-2006 meta l-minuri, li dak iż-żmien kellha tliet snin, kienet waħedha ma’ missierha li kien qed jeżerċita d-dritt tal-aċċess tiegħu mat-tifla. Bejn omm u missier l-istess minuri kienu għaddejjin proċeduri ta’ separazzjoni.

    Sa dakinhar l-aċċess ma kienx wieħed superviżjonat, u l-Qorti tal-Familja ħatret Social Worker biss biex isegwi lil din il-familja fid-dawl tal-fatt li kienet għaddejja separazzjoni u kien hemm minuri nvoluta. 

    Min-naħa tiegħu, l-imputat sostna li din il-kawża kienet biss pjan minn martu u mill-familja tagħha biex iċaħħduh minn bintu għal għomru. Sostna li ilu għaxar snin imċaħħad minn bintu, nuqqas ta’ missierha fl-iżjed żmien importanti f'ħajjtha. 

    Fix-xhieda tagħha, it-tifla esprimiet ruħha dwar l-allegat abbuż billi penġiet il-parti privata ta’ missierha u rreferiet għaliha bħala l-‘pink nail’. 

    Parti oħra mit-tpinġija rreferiet għaliha bħala ‘ripped underwear. A scissors.’ Meta mistoqsija dwar dan hija qalet li dawn intużaw minn missierha u li dak li għamel bil-‘pink nail’ kien ‘very naughty’.

    Hija rreferiet għall-azzjoni bħala li ‘Daddy was playing a doctor game’ u li din il-logħba mhix ta’ pjaċir aktar tant li tgħid li hija ‘silly’ u li dejqitha għax tgħid li ‘it really really, really bothered me.’

    Fil-kunsiderazzjonijiet tagħha l-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Joseph Mifsud qalet li ma saret ebda prova li kien hemm xi ripped underwear jew xi underwear nieqes. 

    Irrimarkat ukoll li meta mistoqsija fejn rat il-‘pink nail’, it-tifla qalet li ma tafx iżda qalet li huwa “tad-daddy”. Il-Qorti fakkret li din hi awla tal-provi u għalhekk ma tistax toqgħod fuq l-insinwazzjonijiet tal-Prosekuzzjoni. Qalet li ma kien hemm ebda prova ta’ x’inhu dan il-‘pink nail’. 

    Il-Qorti kellha wkoll kliem iebes ukoll għall-mod kif kienet tinżamm ix-xhieda. Qal li meta l-Qorti kienet qed tħejji din is-sentenza talbet għal kopja tal-audiovisual recordings ta’ meta xehdet il-minuri, f’April tal-2008. 

    L-amministrazzjoni tal-Qorti ta’ Għawdex kienet wieġbet li f’dak iż-żmien li l-minuri xehdet bil-mezz tal-videoconferencing, l-apparat li kien hemm fil-Qorti ta’ Għawdex ma kellux il-faċilità tar-recording. Dan kien biss jipprovdi trasmissjoni live bejn is-sigrieta u l-awla. 

    Il-Qorti qalet li mhix sodisfatta b’din ir-risposta għax f’dan il-każ ix-xhieda tal-minuri kienet importanti ħafna u l-audio tape kellu jkun issiġġilat u ppriservat u mhux jitħassar biex il-casette jintuża għal kawża oħra. 

    Il-Qorti nnotat iżda li f’dawn l-aħħar snin, bdiet prassi tajba li investigazzjonijiet bħal f’dan il-każ isiru taħt il-kappa ta’ inkjesta maġisterjali. 

    Wara li fliet bir-reqqa l-provi kollha li tressqu, l-Qorti qalet li l-Prosekuzzjoni ma rnexxilhiex tilħaq il-grad tal-prova rikjesta fil-kamp penali biex tiġi dikjarata l-ħtija skont il-liġi. 

    Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti sabet lill-imputat mhux ħati tal-imputazzjonijiet li nġiebu fil-konfront tiegħu u għaldaqstant illiberatu minnhom.