SportMalta bil-programm Summer on the Move

    Għal sena oħra SportMalta qed toffri l-programm ta’ attivitajiet Summer on the Move bil-għan li tkompli tixpruna soċjetà aktar attiva u li tipparteċipa fl-isport biex tilħaq livelli ogħla fid-dinja tal-isport kompetittiv u biex tgawdi minn benefiċċji tas-saħħa assoċjati mal-isport. 

    Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima żar il-Pixxina Nazzjonali u ltaqa’ mal-coaches u mal-parteċipanti. Qal li “l-programm Summer on the Move li jsir kull sena qed ikompli jikber u juri fil-fatt li għandek iżjed parteċipazzjoni u mijiet ta’ coaches li qed jagħżlu li jiġu jaħdmu hawnhekk”, filwaqt li tkellem dwar l-importanza ta’ dan il-programm li qed ikabbar il-kultura sportiva f’pajjiżna. Is-Segretarju Parlamentari qal li “rridu ndaħħlu mentalità fit-tfal tagħna li għandhom ikunu attivi biex ikunu iżjed b’saħħithom”.

    Summer on the Move hu l-alternattiva biex it-tfal ikunu fiżikament attivi filwaqt li jitħarrġu fl-isport favorit tagħhom. Din is-sena l-programm laħaq in-numru rekord ta’ 6,000 parteċipant.

    Dawn l-attivitajiet huma offruti f’numru ta’ ċentri tal-ogħla livell madwar Malta u Għawdex f’ambjent modern, bl-aħjar apparat sportiv, u fuq kollox f’garanzija ta’ sigurtà.

    Summer on the Move jinkludi wkoll lezzjonijiet għall-adulti fl-istess ħin tal-attivitajiet tat-tfal, biex il-ġenituri li jġibu lil uliedhom jkunu jistgħu jiġu bħala familja u jipparteċipaw fl-istess ħin.

    L-attivitajiet offruti huma varji: minn football, basketball u ġinnastika, għal carting u arti marzjali.  Ma jonqosx l-isport akwatiku: l-għawm, il-waterpolo kif ukoll l-ibburdjar. Għall-adulti wieħed isib yoga, pilates u fitness ta’ intensitajiet differenti, kif ukoll badminton, għawm u self-defence. Din is-sena ġie estiż ukoll il-programm tal-parent and child u minbarra l-għawm ġew offruti l-ġinnastika u l-fundamentals.

    Dawn il-lezzjonijiet jitmexxew minn aktar minn 300 għalliem u coaches kwalifikati u dedikati biex joffru servizz ta’ kwalità.

    Fil-programm tas-sajf tkomplew ukoll l-akkademji u b’kollaborazzjoni mal-għaqdiet rispettivi qed isir stħarriġ aktar intensiv fit-triathlon, fl-għawn sinkronizzat, fil-ġinnastika, fil-basketball, fil-volleyball u fil-handball. SportMalta tissussidja dawn il-programmi biex tagħmilhom aktar aċċessibbli bil-ħsieb li ħadd ma jsib ostakoli biex jipparteċipa u jilħaq il-potenzjal sportiv tiegħu.

    Permezz ta’ Summer on the Move, SportMalta tgħin biex il-poplu Malti jilħaq il-miri stabbiliti mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa li tirrakkomanda minimu ta’ nofs siegħa eżerċizzju kuljum. Dan il-programm jagħmel parti mill-kampanja Ewropea #BeActive bil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea jingħaqdu fi sforz komuni biex jiċċaqalqu lin-nies bl-attività fiżika.