Il-PN jikkundanna l-qerda ta' siġar tal-Ballut minn Transport Malta f'Ħal Lija

    Fi stqarrija maħruġa mill-Partit Nazzjonalista ntqal li l-partit jikkundanna l-qerda ta' siġar tal-Ballut minn Transport Malta f'Ħal Lija u li dak li wettqet Transport Malta huwa inaċettabbli u jmur kontra l-interess ambjentali ta' pajjiżna. 

    Żied jgħid li l-Gvern għandu jirrispetta l-ispirtu tal-liġi u jiżgura li azzjonijiet bħal dawk li ħadet Transport Malta ma jerġgħux jirrepetu ruħhom. Dan jgħodd aktar u aktar fid-dawl tal-fatt li kif stqarrew numru ta' persuni b'esperjenza kbira fil-ħarsien tal-ambjent, uħud mis-siġar li ġew imqaċċta minn Transport Malta saħanistra kellhom 'il fuq minn 100 sena. Skont l-istess persuni esperti f'dan il-qasam, din il-qerda mwettqa minn Transport Malta setgħet tiġi evitata billi tinsab soluzzjoni aktar raġjonevoli.

    Fid-dawl ta' dan il-Partit Nazzjonalista huwa lest li joffri l-appoġġ u l-kontribut tiegħu biex il-liġijiet ta' pajjiżna jkunu joffru protezzjoni akbar lis-siġar anke meta dawn ikunu jinsabu fiż-żona tal-iżvilupp bħal ma kien il-każ f'Ħal Lija.

    Il-Partit Nazzjonalista jisħaq li Transport Malta u awtoritajiet u aġenziji oħra tal-Gvern għandhom l-obbligu li jkunu ta' eżempju pożittiv biex jiżdied in-numru ta' siġar fl-ispazji miftuħa ta' pajjiżna filwaqt li jipproteġu dawk diġà eżistenti waqt it-twettieq ta' proġetti nazzjonali.