Waterpolo: Premier: San Ġiljan ikomplu jiddominaw

    Ritratt: Dominic Borg

    San Ġiljan ……..13

    Exiles…………….7

    (4-0, 2-3, 4-2, 3-2)

    San Ġiljan għamlu pass importanti lejn ir-rebħ tat-titlu b’rebħa ta’ 13-7 fuq Exiles liema logħba ddominaw għal ħinijiet twal.

    Exiles ipprovaw joffru oppożizzjoni denja lil San Ġiljan u f’xi waqtiet irnex­xielhom jagħmlu dan fost­hom fit-tieni sessjoni fejn rebħuha bl-iskor ta’ 3-2, iżda kollox ma’ kollox is-supremazija Ġiljaniża kienet evidenti meta wieħed iħares lejn ir-riżultat.

    San Ġiljan ddominaw l-ewwel sessjoni u meritatament rebħuha bl-iskor ta’ 4-0 bil-goals jaslu minn Dino Zammit, il-Montenegrin Alek­sandar Ivovic u minn dop­pjetta ta’ Ben Plumpton.

    Is-Serb Slobodan Nikic naqqas il-marġni tal-iskor għal Exiles wara tliet minuti mil-ftuħ tat-tieni sessjoni iżda s-Saints wieġbu ftit wara permezz ta’ Peter Borg.

    Dino Zammit kabbar il-vantaġġ għal ħames goals. Iżda żewġ goals minn Timmy Sullivan u Nicky Paris naqqsu d-distakk għal tliet goals.

    Il-player veteran Michele Stellini kompla jnaqqas il-marġni tal-iskor wara tliet minuti mill-ftuħ tat-tielet taqsima.

    Iżda ftit wara Dino Zammit skorja għal San Ġiljan biex irreġistra hat-trick personali. Is-Serb Slobodan Nikic sab ix-xibka għal Exi­les biex il-partita kompliet tisbieħ hekk kif bdiet tiġi nnutata botta u risposta bejn iż-żewġ timijiet.

    Iż-żagħżugħ Andreas Ga­lea skorja għal San Ġiljan qabel ma l-Franċiż naturalizzat Malti, Aurelien Cousin, u Ben Plumpton sabu x-xibka fi spazju ta’ ftit sekondi biex fetħu vantaġġ ta’ ħames goals għal San Ġiljan.

    Ben Plumpton reġa’ skorja għal San Ġiljan 50 sekonda mill-ftuħ tar-raba’ u l-aħħar sessjoni biex b’hekk irreġistra poker personali.

    Filwaqt li Nicky Paris wieġeb għal Exiles, iż-żagħ­żugħ Ben Grech irreċiproka għas-Saints, liema goal kien ifisser ħafna għalih għax kien l-ewwel goal tiegħu matul dan l-istaġun.

    Aleksandar Ivovic kompla jkabbar ir-rebħa Ġiljaniża permezz tat-13-il goal biex il-parita kienet mirbuħa u mitlufa. Slobodan skorja goal ta’ konsolazzjoni għal Exiles, liema goal kellu jkun l-aħħar wieħed fil-partita.

    San Ġiljan: 1-Jake Tanti, 2-Peter Borg (1), 3-Andreas Galea (1), 4-Ben Grech (1), 5-Joseph Galea, 6-Matthew Zammit, 7-Ben Plumpton (4), 8-Darren Zammit, 9-Aleksandar Ivovic (2), 10-Aurelien Cosuin (1), 11-Paul Fava, 12-Dino Zammit (3), 13-Thomas Micallef - Coach: Marko Orlovic

    Exiles: 1-Matthew Castillo, 2-Julian Rizzo Naudi, 3-Daniel Borg Millo, 4-Michele Stellini (1), 5-Timmy Sullivan (1), 6-Sean Xerri De Caro, 7-Slobodan Nikic (3), 8-Kurt Griscti, 9-Nicky Paris (2), 10-Andrea Bianchi, 11-Benjamin Lanzon, 12-Luca Felice, 13-Gianni Ciappara - Coach: Dorian Pisani

    Referees: Carmelo Polime­ni, Peter Balzan