Qbil dwar Season Ticket għall-istaġun 2017/18 ? Prezz tad-dħul irħas għal min jixtri Season Ticket

    Il-ftehim bejn il-Premier Division Standing Committee (PDSC) u l-MFA dwar l-introduzzjoni tas-season ticket għall-istagun 2017/18 huwa inċentiv għall-partitarji tal-clubs tal-Premier u tal-football Malti biex jiffrankaw il-flus mix-xiri tal-biljetti u fl-istess waqt ikunu qed jgħinu lill-clubs.

    Kien fuq dan il-princpju li l-ftehim jaħseb biex is-season ticket jibda jinbiegħ minn kmieni u jkunu l-clubs infushom li jiddeċiedu l-prezz tiegħu.

    Kull club hu fil-libertá li jiddeċiedi l-valur tas-season ticket skond kif iħoss hu, dan wara li jinqatgħu l-ispejjeż tal-logħob.

    Is-season ticket se jkun trasferibbli għal-logħbiet tal-istess club u se jinbiegħ mill-clubs qabel jibda l-istaġun. Fil-ġranet li ġejjin il-clubs se jinformaw lill-partitarji dwar il-bejgħ tas-season ticket.

    Bl-iskop li jkun inċentivat il-bejgħ ta’ dan is-season ticket, il-prezz tal-biljett għal min imur jara logħba waħda mingħajr season ticket se jiżdied b'€1.

    Żieda li għandha biss l-iskop li tħajjar aktar l-partitarji jagħżlu li jixtru s-season tickets. Il-prezzijiet tal- biljetti tat-tfal u anzjani se jibqgħu l-istess.

    L-introduzzjoni tas-season ticket mill-istaġun 2017/18 se tkun qed tiġi żviluppata skond is-suċċess li tikseb fl-ewwel staġun tagħha. Il-PDSC jilqa’ l-fatt li l-MFA flimkien mal-clubs bi ħsiebom jiżviluppaw l-kunċett skond is-suċċess miksub fl-istaġun li ġej.

    Il-PDSC jħeġġeġ lill-partitarji biex filwaqt li jibbenefikaw minn dan l-inċentiv , jixtru s-season tickets biex jgħinu lill-clubs rispettivi tagħhom.