L-FIAU tiċħad l-allegazzjonijiet li dehru f'artiklu tat-Times

    Il-Korp għall-Analiżi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (FIAU) jiċħad kategorikament l-allegazzjonijiet u l-insinwazzjonijiet ta’ mġiba mhux korretta magħmula kontra tiegħu f’artiklu bl-isem ta’ ‘FIAU Investigator ‘sidelined’ after Egrant allegations’ li deher fil-ġurnal The Sunday Times of Malta tas-16 ta’ Lulju 2017, liema artiklu jgħid li hu bbażat fuq intervista ma’ Jonathan Ferris eks-impjegat tal-FIAU.

    L-FIAU dejjem ħalla lill-uffiċjali tiegħu jagħmlu xogħolhom fil-libertà u fl-indipendenza li l-funzjoni tagħhom tinħtieg.

    Dawn l-insinwazzjonijiet jakkumulaw ma’ insinwazzjonijiet oħra li saru dan l-aħħar fil-media dwar kemm irriżenjaw impjegati mill-FIAU mill-2013 ’il quddiem u dan meta kulħadd jaf illi s-settur tal-impjiegi fis-servizzi finanzjarji huwa wieħed fejn hemm ħafna kompetizzjoni u fejn it-tluq ta’ impjegati għax isibu xogħol ieħor fis-settur isir b’rata pjuttost mgħaġġla.

    L-FIAU jasserixxi illi huwa dejjem qeda l-funzjonijiet tiegħu skont il-liġi u b’rettezza u li t- tmexxija tal-FIAU aġixxiet skont il-liġi u b’mod meqjus u responsabbli fl-aħjar interessi tal-organizzazzjoni u tas-soċjetà b’mod ġenerali fit-teħid tad-deċiżjonijiet tagħha.