Wimbledon 2017: Roger Federer għat-tmien darba

    L-Isvizzeru, Roger Federer, sar l-ewwel tennista li rebaħ it-tournament Grand Slam ta’ Wimbledon għat-tmien darba meta fil-finali għeleb lil Kroat, Marin Cilic, biex kompla jżid ir-rekord għal 19-il Grand Slam.

    Federer, li huwa ssidjat fit-tielet post, għeleb lil Cilic 6-3, 6-1, 6-4, b’dan tal-aħħar ma setax ilaħħaq mal-qawwa ta’ Federer minħabba li beda jbati minn uġiegħ f’siequ, tant, li fit-tieni set deher viżibbilment bid-dmugħ nieżel.

    Federer, li għandu 35 sena, temm dan il-kuntest f’siegħa u 41 minuta biex sar l-ixjeħ player li rebaħ dan l-unur prestiġjuż.