L-għawm fil-Blue Lagoon huwa sigur

    L-għawm fil-Blue Lagoon huwa sigur sakemm wieħed jirrispetta l-proċeduri ta' l-għawm fiż-żona mmarkata u jirrispetta l-bnadar tas-sinjali li jittellaw kuljum u jkunu aġġornati f’kull mument tal-ġurnata.

    Dan intqal mill-Emergency Response & Rescue Corps flimkien ma’ l-MTA fejn jixtiequ jassiguraw lill-pubbliku li wara li fil-ġurnata tas-Sibt aktar minn 100 għawwiem kellhom jiġu salvati minħabba l-kurrenti li ħasdu lill-għawwiema, issal-post huwa sigur. 

    L-ERRC qalet li saħansitra kellhom jintuzaw żewġ dgħajjes tas-salvataġġ biex jiżguraw is-sikurezza tal-għawwiema kollha.

    ERRC li hija organiżżazzjoni volontarja, karitatevoli u taħdem bla profitt, għandha l-għan ewlieni li tipprevjeni u tiffaċilita sitwazzjonijiet ta' emerġenza li jinvolvi dawk il-persuni li jkunu f'riskju. 

    Is-servizz tal-ERRC lifeguarding f'Għawdex u Kemmuna huwa possibbli minħabba l-appoġġ finanzjarju mill-MTA, kif ukoll mill-Ministeru għal Għawdex, l-Imġarr Marina, Transport Malta, Pulizija, Forzi Armati ta’ Malta, u d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.

    Għal aktar informazzjoni dwar l-għawm f’dawn il-bajjiet wieħed jista jċempel lis-Segretarju tal-ERRC Etienne Micallef fuq 99800886 jew lill-Matthew Montebello fuq in-numru 79820528.